Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett inawguraw il-proġett ta’ retrofitting li sar fuq il-binja ċentrali tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi magħrufa bħala Project House. Dan l-investiment ta’ madwar €4 miljun se jagħmel din il-binja aktar sostenibbli fl-użu tal-enerġija.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal li permezz ta’ dan il-proġett jridu jippromwovu aġenda favur aktar bini b’effiċjenza enerġetika biex nilħqu l-miri tal-Unjoni Ewropea dwar id-dekarbonizzazzjoni sas-sena 2050. Huwa kompla jgħid li Project House se tkun ta’ eżempju kemm għas-settur pubbliku kif ukoll għas-settur privat biex flimkien ma’ partijiet interessati involuti, issir evoluzzjoni fuq livell nazzjonali fis-settur tal-bini. Dan se jkun determinanti fuq il-finanzjamenti li jagħtu l-banek għal proġett ta’ żvilupp fi żmien li ġej.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi temm jgħid li dan kollu huwa xhieda ta’ kemm dan il-gvern qed jintegra l-kunsiderazzjonijiet ambjentali f’kull attività jew deċiżjoni politika li tittieħed.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li dan il-proġett li ġie inawgurat illum huwa wieħed mill-proġetti favur l-ambjent li twettaq b’investiment ta’ aktar minn €4 miljun mill-Pjan għall-Irkupru u Reżiljenza għal Malta.
“Kemm mill-Pjan għall-Irkupru u Reżiljenza għal Malta kif ukoll bil-fondi Ewropej se nkomplu nwettqu aktar proġetti favur is-sostenibbiltà u l-qalba diġitali. Bħalissa fadal l-aħħar ftit negozjati fuq il-programmi operattivi tal-fondi Ewropej għas-snin 2021-2027 mal-Kummissjoni Ewropea hekk kif f’Jannar se żżur pajjiżna l-Kummissarju Ewropew għall-Koeżjoni u Riformi Elisa Ferreira biex nibdew nużaw it-€2.2 biljun li rnexxielu jġib lejn Malta l-Prim Ministru fl-2020”, ikkonkluda Chris Bonett.
Il-Perit Anne Casha li ħadet ħsieb il-proġett tkellmet f’aktar dettall fuq l-interventi li saru fuq din il-binja. Il-Perit spjegat li fost ix-xogħlijiet li saru, twaħħlu insulation boards mal-faċċati tal-binja kif ukoll tqiegħdet qoxra fuq barra bil-ġebel tal-qawwi lokali fejn inħolqot sistema ta’ ventilated cavity. L-aperturi saru kollha bi frame tal-aluminium thermal break bi ħġieġ double glazed. Fuq il-bejt, inqala’ l-kontrabejt eżistenti biex tqiegħed l-insulation u wara reġa’ tqiegħed kontrabejt ġdid li ngħata kisja heat reflective. Ġew installati iktar pannelli fuq il-bejt kif ukoll oħrajn li twaħħlu fuq il-faċċati li jħarsu lejn in-nofsinhar. F’dawn il-faċċati tqegħdu louvres quddiem it-twieqi biex jaqtgħu s-sħana tax-xemx fis-sajf.
Barra minn hekk, ġew installati sistemi ċentralizzati ta’ air conditioning VRF li huma iktar effiċjenti. Tqegħdet ukoll Building Management System (BMS) li topera bħala sistema ta’ energy management għas-servizzi kollha u b’hekk se tirriżulta fi tnaqqis fl-użu tal-enerġija.