Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne inawgura nursing simulator ġdid tal-istituzzjoni edukattiva Idea Academy fil-Mosta, li sservi sabiex tħarreġ b’mod prattiku lill-infermiera li jattendu l-korsijiet fl-istess istituzzjoni.
Id-Deputat Prim Ministru Fearne fakkar kif l-infermiera kollha li jiggradwaw mill-istituzzjonijiet edukattivi Maltin jingħataw opportunità ta’ xogħol mas-settur tas-saħħa pubblika. Filwaqt li rrefera għall-isforzi kontinwi tal-Awtoritajiet għas-Saħħa sabiex iktar żgħażagħ jersqu lejn din il-vokazzjoni, spjega li d-domanda għall- infermiera ġodda tirrikjedi li l-Gvern jirrikluta infermiera barranin ukoll.
Id-Deputat Prim Ministru faħħar lill-istituzzjonijiet edukattivi Maltin tal-livell għoli ta’ taħriġ li joffru lill-istudenti tal-infermerija, fejn saħansitra jsirilhom taħriġ f’simulaturi bħal dak inawgurat tal-IDEA Academy, fuq manekkini f’ambjent ta’ sala sabiex dawn ikunu kunfidenti jaħdmu f’din l-atmosfera ladarba jibdew jitħarrġu fuq il-pazjenti.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Maniġerjali tal-Idea Group, Silvio Debono spjega kif il-korsijiet tal-istituzzjoni edukattiva huma mmirati għall-adulti li jixtiequ jkomplu bl-istudji tagħhom fil-qasam tas-saħħa.
Huwa qal li minn kemm ilhom jiġu offruti korsijiet relatati mal-qasam tas-saħħa f’din l-akkademja ggradwaw 150 professjonist mediku, filwaqt li bħalissa qed ikomplu l-istudju tagħhom mat-300 student tas-saħħa oħra.