Wednesday, March 27, 2024

“L-Oppożizzjoni qiegħda tissuġġetta d-dibattitu fuq argumenti bla bażi u partiġġjani”

Il-Ministru Clayton Bartolo

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo ddikjara fil-Parlament li fuq liġi daqstant importanti fejn tidħol il-governanza tal-pajjiż, bħal dik li qiegħda tiġi diskussa dwar il-ħatra ta’ Kummissarju tal-Istandards, l-Oppożizzjoni qiegħda tissuġġetta d-dibattitu fuq argumenti bla bażi, partiġġjani u li mhux iħallu xi tip ta’ marka dwar il-mod kif qiegħda tiġi proposta l-emenda.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Bartolo nnota kif il-Kap tal-Oppożizzjoni kien għall-ewwel qabel mal-persuna proposta f’din il-kariga iżda mbagħad bidel fehmtu. “Minfuq ħareġ bi tliet ismijiet oħra, li waħda minnhom saħansitra qas kienu kkonsultaw magħha,” tenna l-Ministru Bartolo.

Huwa qal li din hija l-istess klikka, bl-istess nies li saħansitra lanqas biss irrispettaw it-tesserati tal-partit tagħhom stess għaliex għamlu minn kollox biex neħħew Kap u poġġew ieħor floku. “Jibqgħu ma jridux jitgħallmu. L-importanti huwa li wara jmorru fuq it-televiżjoni u jgħidu għax se jinbidlu.”

“Qalulna li għandna Prim Ministru antidemokratiku u dittatur. Il-liġi li qiegħda tiġi proposta qed iqabbluha ma’ dak li kienu jsiru fil-Ġermanja fit-tletinijiet. Kemm nistgħu naqgħu aktar baxx minn hekk. Araw ftit kemm waqgħet fil-baxx l-attitudni tal-Oppożizzjoni. Għandek Prim Ministru li telaq minn idejh poteri li f’25 sena qatt ma telquhom minn idejhom Kapijiet Nazzjonalisti,” huwa żied jgħid. “Tassew li għandna min ma jafx l-istorja u tajjeb jitgħallem ftit dwar dak li kellna fil-passat.”

Huwa qal li l-persuna li qed tiġi mressqa għall-kariga ta’ Kummissarju tal-Istandards, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi, gawda għal diversi snin ir-rispett miż-żewġ naħat tal-Kamra, filwaqt li kien appuntat fil-Qrati tagħna taħt Gvern Nazzjonalista. Fuq kollox, żied jgħid il-Ministru Bartolo, jemmen fil-governanza tajba, jattwaha u jkun ta’ eżempju.

Temm jgħid li rridu nibagħtu messaġġ b’saħħtu ta’ kemm tassew illi ż-żewġ naħat tal-kamra kapaċi jogħlew mill-politika patiġġjana tal-passat, jeħilsu mill-battibekki li ġieli jkollhom u jaslu għal qbil li jwassal għal governanza parlamentari li tkun waħda b’saħħitha għal-lum u għaż-żmien li ġej.

Ekonomija

Sport