Friday, April 26, 2024

Inawgurati erba’ vetturi u sitt muturi tal-Aġenzija LESA b’investiment ta’ €350,000

Aqra wkoll

B’investiment ta’ €350,000 ġew inawgurati erba’ vetturi elettriċi u sitt muturi għall-Aġenzija LESA, flimkien ma’ lbies protettiv għall-ħaddiema.

Dan sar bħala parti mill-pjan tal-Gvern u tal-istess aġenzija biex il-flotta ta’ vetturi tal-LESA tinqaleb għal waħda aktar nadifa u li tniġġes anqas. Fl-istess ħin, permezz ta’ dan l-investiment, qed tingħata aktar għodda lill-istess aġenzija sabiex tkun aktar effiċjenti.

Għal din l-inawgurazzjoni kien hemm preżenti l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija LESA, Svetlick Flores.

Il-Ministru Byron Camilleri qal li “L-Aġenzija LESA qed tkompli tinvesti fiha nnifisha u fil-ħaddiema tagħha biex finalment toffri servizz aħjar lis-soċjetà tagħna. Minn issa ’l quddiem se tibdew taraw lil dawn il-ħaddiema jużaw kemm vetturi elettriċi u anke muturi oħrajn ġodda flimkien ma’ lbies protettiv meta jkunu qed iduru fil- lokalitajiet tagħna. B’dan il-mod, l-aġenzija qed tiżgura wkoll li tkompli ttejjeb is-servizz tagħha”.

Il-Kap Eżekuttiv Svetlick Flores qal li: “Illum qed inħabbru investiment li l-Aġenzija LESA għamlet fiha nnifisha, fiċ-ċittadin u fil-ħaddiema tagħha. Permezz ta’ dan l-investiment, l-aġenzija qed tinvesti fl-operat sabiex tkun aktar effiċjenti u twessa’ s-servizzi tagħha fil-komunità. Iżda fuq kollox, l-aġenzija qed tinvesti fil-ħaddiema tagħha u anke tilħaq il-mira tal-Gvern li tmur lejn il-qalba għal trasport aktar nadif.”

Iż-żewġ investimenti saru wara proċess ta’ tender rigoruż, sabiex jilħqu l-aspettattiva tal-aġenzija.

Sport