Saturday, May 18, 2024

Inawgurat Occupational Therapy Unit f’San Vinċenz de Paul

Aqra wkoll

Bħala parti miċ-Ċentru ta’ Kura Ġerjatrika inawgurat ftit tal-ġimgħat ilu f’San Vinċenz de Paul, issa ġie inawgurat Occupational Therapy Unit li sar b’investiment ta’ madwar miljun ewro.

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia inawgura dan iċ-ċentru f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha semma li dan hu investiment ieħor minn sensiela ta’ proġetti li tul l-aħħar snin qed naraw jiġu implimentati f’San Vinċenz de Paul.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li l-gvern qed jinvesti f’faċilitajiet li jkunu ċċentrati madwar il-bżonnijiet tar-residenti biex ikunu jistgħu jgħixu f’ambjent iktar komdu u familjari. Qal li dan huwa investiment li minkejja l-pandemija, il-gvern ma qgħadx lura u kompla jġib ’il quddiem l-interessi tal-anzjani tagħna.

Semma fost l-oħrajn il-proġett Narċis, iċ-Ċentru Rużar Briffa, li jinkorpora fih iċ-Ċentru ta’ Kura Ġerjatrika, numru ta’ kliniċi ta’ konsultazzjoni, l-ewwel dipartiment tal-X-ray diġitali kif ukoll iż-żieda fin-numru ta’ sodod fis-swali, l-ewwel pixxina terapewtika, gym u uffiċini ġodda tal-ħaddiema.

Il-Ministru Farrugia qal li dawn il-proġetti juru li l-investiment li qed isir fl-anzjani tagħna mhuwiex biss fl-infrastruttura iżda wkoll fis-servizzi li qed noffru, servizzi aċċessibbli li jvarjaw skont id-dipendenza ta’ kull anzjan.

“Barra minn hekk, kif qed taraw, ħsibna wkoll biex intejbu l-ambjent fuq il-post tax-xogħol lill-ħaddiema tagħna, fejn illum, il-professjonisti għandhom faċilitajiet mill-aqwa biex ikunu jistgħu joffru l-aqwa servizz, kura u appoġġ lill-anzjani”.

“Dan huwa kumpless ġdid mgħammar bl-aqwa teknoloġija fejn se jkunu qed jingħataw servizzi professjonali fil-kura tal-anzjani tagħna biex fl-aħħar mill-aħħar inkomplu nassiguraw li l-anzjani jkollhom l-aqwa kura li nistgħu nagħtuhom,” temm jgħid il-Ministru Michael Farrugia.

Sport