Wednesday, April 24, 2024

Inawgurat roof garden fis-Seminarju tal-Arċisqof

Aqra wkoll

Infrastructure Malta kkollaborat mal-Arċidjoċesi ta’ Malta biex jinħoloq roof garden fis-Seminarju tal-Arċisqof, f’Tal-Virtu, ir-Rabat b’investiment ta’ €300,000.

Dan ġie inawgurat mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Is-seminarju qed isemmi dan ir-roof garden ‘Ġnien tal-Meditazzjoni Dun Nicholas Cachia’, b’tifkira tas-saċerdot djoċesan li serva bħala direttur spiritwali ta’ din l-istituzzjoni għal 17-il sena.

Il-Ministru Ian Borg qal li dan hu proġett ieħor li juri l-impenn ta’ dan il-gvern favur is-sostenibbiltà u infrastruttura ħadranija. “Nemmnu bis-sħiħ fl-importanza ta’ proġetti bħal dawn li, apparti li f’dan il-każ dan il-ġnien se jkun qed isebbaħ il-binja tas-seminarju, però se jkun spazju fejn l-istudenti anke jistgħu jirrilassaw kif ukoll jipprattikaw diversi ħiliet fosthom l-ortikultura. Huwa importanti li minn ta’ età żgħira nibdew inrawwmu lit-tfal tagħna b’dawn it-tip ta’ ħiliet kif ukoll dwar l-importanza li għandu jkollu l-ambjent fil-ħajja ta’ kull persuna. Rajna li nsebbħu dan ir-roof garden ta’ 350 metru kwadru b’730 siġra, arbuxelli u pjanti oħrajn ġodda, kif ukoll 50 siġra oħra taż-żebbuġ ġdida fil-grawnd tas-seminarju fil-qrib. Però apparti l-għanijiet estetiċi li se jkun qed joffri dan il-proġett, rajna wkoll li nħarsu u nimplimentaw diversi fatturi oħra li jikkumplimentaw il-viżjoni ta’ dan il-gvern favur is-sostenibbiltà.”

Dan ir-roof garden huwa mgħammar b’sistema fejn l-ilma jiġi maħżun taħt kull pjanta u jiġi utilizzat skont il-bżonn. B’dan il-mod, jiġi ffrankat u rriċiklat dan ir-riżors skars naturali. Ammont sostanzjali ta’ dan il-ġnien hu mgħammar bi speċi ta’ pjanti indiġeni, biex iservu l-ispeċi dakkara bħal mhuma n-naħal u l-friefet. Permezz tal-insulazzjoni u l-ventilazzjoni naturali li nħolqot f’dan il-ġnien, il-binja se tkun qed tuża inqas enerġija biex issaħħan u tkessaħ.

Ir-roof garden tas-seminarju mhuwiex l-ewwel proġett ambjentali li l-aġenzija Infrastructure Malta implimentat b’kollaborazzjoni mal-Arċidjoċesi ta’ Malta u l-għaqdiet tagħha. Aktar kmieni din is-sena, l-aġenzija ħadmet ma’ Caritas Malta biex tittrasforma sit abbandunat biswit il-Komunità Terapewtika ta’ San Blas f’Ħaż-Żebbuġ, f’‘Bosk it-Tama’, spazju ġdid ta’ riflessjoni bi 352 siġra u arbuxell.

Is-sena l-oħra, Infrastructure Malta ħawwlet 1,400 siġra ġdida fil-ġonna tad-Dar tal-Kleru f’Birkirkara.

Sport