Saturday, December 14, 2024

Inawgurata Berġa ġdida f’Ħal Tarxien

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat inawguraw berġa ġdida f’Ħal Tarxien.

F’din il-berġa, minbarra s-servizz ta’ tabib u infermier, se jkunu qed jiġu offruti wkoll servizzi ta’ podjatrija, nutritionist, speech and language pathology, fiżjoterapija, kif ukoll teħid tad-demm.

Id-Deputat Prim Ministru qal li fil-qasam tal-kura primarja saru avvanzi kbar u żdiedu sew is-servizzi offruti fil-qasam tal-kura primarja – fost oħrajn minn April se tkun introdotta wkoll Long Covid Clinic fejn nies li jkunu rkupraw mill-fażi akuta imma għad għandhom ibatu b’xi sintomi partikolari jkunu jistgħu jingħataw kura.

Se jkunu qed jiżdiedu wkoll servizzi tal-onkoloġija fil-qasam tal-kura primarja fosthom għal dawk  b’kanċer tal-prostata u tat-thyroid li jkunu stabbli.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li l-Berġa ta’ Ħal Tarxien hija waħda minn numru ta’ bereġ li saru madwar Malta u Għawdex fl-aħħar sentejn. “Aħna kommessi li jkollna klinika komunitarja tas-saħħa f’kull belt u raħal f’pajjiżna b’uħud minnhom, bħal dawk ta’ Ta’ Ġiorni u l-Ħamrun, li se jkunu jistgħu jibdew joperaw fil-ġimgħat li ġejjin”, qal id-Deputat Prim Ministru.

Ħabbar ukoll li tifla ta’ sitt snin mill-Ukrajna li bdiet tingħata kura għall-kanċer fl-Ukrajna, waslet Malta lbieraħ u llum qiegħda tingħata kura fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaċ-Cittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat qal li din il-klinika komunitarja fil-qalba ta’ Ħal Tarxien hija parti minn kullana ta’ investimenti f’ċentri tas-saħħa aċċessibli fl-irħula u l-ibliet Maltin u Għawdxin kollha, li issa jlaħħqu s-17-il ċentru tas-saħħa.

Investiment li b’kollox ilaħħaq l-€10 miljun mill-Aġenzija NDSF f’ċentri tas-saħħa, direttament fil-komunitajiet tagħna – investiment fis-saħħa tagħna u fin-nies”, saħaq is-segretarju parlamentari.

Ekonomija

Sport