Sunday, May 5, 2024

Inawgurati 73 appartament ġdid… l-ewwel minn serje ta’ binjiet b’investiment ta’ €110 miljun

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fis-Swatar, ġie inawgurat sit minn serje ta’ binjiet. Bħala mistiedna speċjali kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay u l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes. Ma naqasx ukoll li jkun hemm preżenti persuna li bbenefikat minn din l-akkomadozzjoni soċjali. Romina Mangion qasmet l-esperjenza personali tagħha fejn irrakkontat kif sentejn ilu kienet megħjuna mill-housing għaliex hi u l-familja tagħha ma setgħux ilaħħqu bil-kera. Hija inkuraġġiet lin-nies biex ma jaqtgħux qalbhom u rringrazzjat lill-housing.  Mangion temmet ir-rakkont tagħha billi sostniet li permezz tal-għajnuna li rċeviet, “ma jonqosna xejn … toħorġu sodisfatti żgur”.

McKay irrikonoxxa li l-ġurnata tal-lum — fejn qed jiġi inawgurat sit minn serje ta’ binjiet — hija sinifikanti ħafna għax fil-passat ma kienx hemm politika tal-housing. Tant hu hekk li hu jemmen “Li qed niċċelebraw politika ġdida tal-housing”. McKay qal li llum fetħu akkomodazzjani għal kull persuna li ma tiflaħx tixtri jew tikri mis-suq, u li llum il-Gvern huwa involut ħafna fil-poltika tal-housing. Barra minn hekk semma l-waiting list li sa ftit ilu kienet tlaħħaq mat-3,300 persuna. 

Il-Kap Eżekuttiv spjega kif il-problema tal-housing ġiet indirizzata bi 3 modi: (i) iddaħħlu diversi skemi, ġew introdotti l-loans soċjali, iddaħħlu skemi ta’ depożitu, ingħataw għotjiet lill-persuni biex id-dar tagħhom tkun iktar aċċessibbli u mhux perikoluża, u ġie rriformat is-suq tal-kiri liberalizzat, (ii) ingħataw inċentivi lill-anzjani li marru fil-homes għal tul żmien, (iii) għarblu l-lista u raw li jsir assesment ta’ kull applikant sabiex jaraw fejn qed jgħix.

McKay sostna li “Ma nistgħux ma niċċelebrawx li llum għandek l-inqas numru ta’ persuni fuq il-waiting list li qatt kellha l-awtorità”.

Fid-diskors tiegħu, Galdes — ippilota dan il-proġett — irringrazzja lil dawk kollha li kienu warajh f’din il-mixja sabiex dal-proġett seta’ jkun possibbli. Huwa qal li “Saqaf adegwat u dar diċenti huwa dritt uman u fundamentali”  u stqarr li kienet din il-konvinzjoni li ggwidathom fil-passi li ħadu u kompla jirrakkonta li 5 snin ilu sabu ’l fuq minn 3,000 persuna fuq il-waiting list. Jiddeskrivi din is-sitwazzjoni bħala waħda “allarmanti ħafna”.

Galdes sostna li s-suq tal-kera ġie rregolat, ingħataw użu lid-djar battali, ġew irriġenerati postijiet dilapidati, ingħatat imbuttatura neċessarja sabiex persuni bi dħul baxx isiru sidien ta’ darhom. Barra minn hekk sostna li permezz ta’ dan il-waiting list tnaqqset b’60%.

F’dan il-jum speċjali, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali stqarr li minkejja illi fil-ħidma tagħhom l-isfidi kienu kbar u kien hemm min li “Ma emminx li kellna l-fibra nwasslu dal-proġett sal-port”, huma inbarkaw fuq il-bini ta’ 1,700 dar ġdida ta’ akkomadozzjoni. Dal-proġett enormi se jiswa lill-pajjiż €110 miljun, proġett li ddeskrivieh bħala “L-akbar investiment soċjali fl-istorja”. 

Bis-saħħa ta’ dan il-proġett, illum ġie inawgurat l-ewwel sit minn serje ta’ binjiet li se jkunu qed jidħlu fihom familji ġodda kull xahar sal-2023. Dan is-sit ikopri 73 appartament ġdid li se jkun qed jilqa’ 73 familja ġdida.

Sport