Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne inawgura berġa ġdida fil-qalba tal-Fgura. Din il-berġa se tkun qed toffri sitt servizzi differenti lil iktar minn tnax-il elf resident tal-Fgura u tal-lokalitajiet tal-madwar.
Din il-berġa hija waħda minn sensiela ta’ bereġ fil-komunità u ċentri tas-saħħa li qed jinbnew jew jiġu renovati madwar Malta. Id-Deputat Prim Ministru afferma li “dawn huma ħolqa essenzjali fil-qasam tal-kura tas-saħħa ta’ pajjiżna u għalhekk qed isir investiment bla preċedent biex jizdiedu l-bereġ u l-faċilitajiet fi ħdanhom, filwaqt li jitjiebu s-servizzi offruti fil-komunità sabiex l-isptarijiet jintużaw biss għall-każijiet iktar serji.”
Is-servizzi offruti fil-berġa tal-Fgura se jinkludu l-klinika tat-tabib tal-familja, tal-infermiera, tal-patoloġija tal-lingwa mitkellma, tal-fiżjoterapija, l-podjatrija u servizzi ta’ saħħa mentali. Dwar din tal-aħħar, id-Deputat Prim Ministru stqarr li d-diċentralizazzjoni tal-kura tas-saħħa mentali hija waħda mill-prinċipji tal-politika nazzjonali għas-saħħa mentali, li tnediet is-sena li għaddiet. “Minbarra fil-Fgura dan is-servizz se jkun qed jinfirex f’aktar bereġ u ċentri tas-saħħa, bil-għan li jkun dejjem aktar aċċessibbli għall-kommunitajiet tagħna,” qal id-Deputat Prim Ministru Fearne.
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Kura tas-Saħħa Primarja, Roseanne Camilleri u s-Sindku tal-Fgura. Min-naħa tiegħu s-Sindku tal-Fgura, Pierre Dalli, irringrazzja lill-Ministru għas-Saħħa ta’ dan il-proġett li se jtejjeb b’mod tanġibbli l-ħajja tar-residenti tal-Fgura u tal-madwar.