Sunday, December 22, 2024

Inawgurata espansjoni ta’ fabbrika Maltija li tittestja l-mediċini

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura espansjoni tal-fabbrika ta’ Pharmadox Healthcare Ltd. fiż-żona industrijali ta’ Kordin, f’Raħal Ġdid. Flimkien mal-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, il-Prim Ministru żar ukoll ix-xogħol li għaddej fuq fabbrika oħra fl-istess kumpless industrijali.

Wara li ltaqa’ mal-ħaddiema, fosthom xjentisti u speċjalisti f’din il-fabbrika Maltija ta’ sidien Maltin u li hi fdata bl-ittestjar ta’ ħafna mediċini ġejjin minn fost l-aqwa kumpaniji internazzjonali, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li fid-diskussjonijiet fuq livelli differenti mhux biss nitkellmu dwar id-diversifikazzjoni fl-ekonomija biex ikollna setturi ġodda iżda anki dwar diversifikazzjoni f’setturi li diġà jeżistu.

Dr Abela qal li huwa għalhekk li rridu nkomplu nsaħħu l-industrija tal-farmaċewtika, li diġà hi waħda b’saħħitha anki frott politika ekonomika soda li wasslet biex Malta għandha ġurisdizzjoni ta’ eċċellenza u issa pajjiżna jrid ikompli jimbotta anki fuq livell Ewropew il-ħtieġa li nsaħħu l-produzzjoni tal-mediċini fl-Ewropa. “Irrid nara li f’dan il-qasam, l-Unjoni Ewropea toffri iktar fondi għal riċerka u innovazzjoni biex din l-industrija tkompli ssaħħaħ l-awtomazzjoni u biex ikollha proċessi iktar sostenibbli ambjentalment”, qal il-Prim Ministru Abela.

Il-Prim Ministru aċċenna fuq l-enfasi li nikkonsolidaw l-investiment li għandna u għalhekk huma importanti l-espansjonijiet u t-tkabbir fl-operat bħal dawk ta’ Pharmadox, kumpanija Maltija li bdiet bi ftit ħaddiema u llum qed tqarreb lejn il-mitejn impjieg ta’ kwalità.

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li pajjiżna qatt ma għandu jieħu s-suċċess ekonomiku ovvju, anki wara credit ratings li jinnutaw il-kisbiet ekonomiċi kbar ta’ Malta iżda rridu nibqgħu attenti li nikkapitalizzaw fuq l-opportunitajiet il-ġodda. Dan nagħmluh anki bl-investiment fil-qasam edukattiv li jħejji l-istudenti għall-impjiegi speċjalizzati f’oqsma emerġenti. Il-Prim Ministru żied jgħid li f’pajjiżna naraw livell b’saħħtu tal-ħaddiem Malti u Għawdxi li huma r-raġuni għaliex l-investiment f’Malta jkompli jikber u tiżdied il-fiduċja f’pajjiżna mill-investitur li qed jitfa’ flusu f’oqsma li jħallu valur għoli miżjud fl-ekonomija Maltija.

F’Pharmadox Healthcare Ltd. li qed tara investiment li se jaqbeż is-€6.5 miljun tkellem ukoll il-Ministru Silvio Schembri, li qal li l-espansjoni ta’ Pharmadox, l-unika kumpanija Maltija tal-farmaċewtika hija turija tal-fiduċja li s-settur privat għandu fl-ekonomija ta’ pajjiżna. “Dan ikompli jawgura tajjeb għall-futur ta’ pajjiżna. Espansjonijiet bħal dawn jistgħu jsiru wkoll, grazzi għall-ħidma konġunta bejn entitajiet varji fi ħdan id-dekasteru tal-ekonomija, l-INDIS u Malta Enterprise, li kif urew f’dan il-każ qed ikunu spalla ma’ spalla mas-settur privat bl-għajnuniet u l-iskemi li joffru. Dan qed ikun ta’ wens għan-negozjanti u investituri li jafu li għandhom ekosistema f’pajjiżna li jistgħu jorbtu fuqha”, qal il-Ministru Silvio Schembri.

Ekonomija

Sport