Ġiet inawgurata binja ġdida li se tilqa’ fiha l-uffiċini l-ġodda tal-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala. Dan sar waqt ċerimonja li għaliha kienu preżenti l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, is-Sindku ta’ Marsaskala Mario Calleja u l-membri tal-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala.
Din il-binja tinstab f’post aktar ċentrali u hija aċċessibbli għal kulħadd. Apparti li se tilqa’ fiha l-uffiċini tal-kunsill lokali, parti mill-binja se tgħaddi għand il-Ministeru għas-Saħħa biex b’hekk Maraskala jkollha l-klinika komunitarja tagħha. Il-binja l-ġdida toffri wkoll aktar faċilitajiet għal-laqgħat għad-diversi persuni u għaqdiet li jaħdmu mill-qrib mal-kunsill lokali favur Marsaskala.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li, “B’din il-binja qed nagħtu lir-residenti ta’ Marsaskala dak li jistħoqqilhom – qabża kbira fil-kwalit tas-servizzi mogħtija lilhom minn post iktar ċentrali, isbaħ u aċċessibbli għal kulħadd. Dan ix-xogħol kollu hu turija ċara tal-għaqal ta’ dan il-kunsill biex b’hekk il-komunità ser tingħata dak li ħaqqha. B’dan il-mod, il-kunsill hu aktar aċċessibbli għar-residenti u iktar fiċ-ċentru tal-lokalità.”
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli faħħret l-impenn u l-ħidma tas-sindku u tal-ħaddiema kollha tal-kunsill lokali favur dan il-proġett. “Grazzi għal din il-binja ġdida, ir-residenti ta’ Marsaskala u persuni li jiġu bżonn xi servizz minn dan il-kunsill lokali ser isibu post aktar aċċessibbli u li jilqagħhom,” qalet is-segretarju parlamentari, filwaqt li faħħret ukoll l-għaqal tal-kunsill lokali li għamel użu tajjeb mill-fondi tiegħu u investa f’binja sostenibbli għall-komunità ta’ Marsaskala.
Fid-diskors tiegħu, is-Sindku Mario Calleja qal li, “Din il-binja amministrattiva ilha ħolma tal-kunsill għal diversi snin. L-akbar weġgħa kienet tkun meta persuna vulnerabbli ma kinitx tista’ tagħmel użu milli tkellimni fil-privat minħabba li l-post ma kienx aċċessibbli. Marsaskala kien jixirqilha din il-binja u bħala kunsill ma jiddispjaċina xejn li investejna f’xi ħaġa sostenibbli għar-residenti Skaliżi.”