Sunday, December 22, 2024

Inawgurati l-proġett ta’ tisbiħ tal-Belvedere u l-proġett ta’ bdil ta’ railings u dwal f’Marsalforn

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri flimkien mas-Sindku taż-Żebbuġ Marlene Cini, il-kunsilliera u l-president tar-Reġjun ta’ Għawdex inawguraw il-proġett ta’ tisbiħ tal-Belvedere u l-proġett ta’ bdil ta’ railings u dwal fi Triq Santa Marija, Marsalforn, b’valur totali ta’ madwar €280,000 ffinanzjati mid-Development Planning Fund tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Il-proġett ta’ tisbiħ tal-belvedere b’valur ta’ madwar €125,000 kien jikkonsisti f’kostruzzjoni, ilqugħ, tqegħid ta’ konkrit, kisi, u xogħol ta’ landscaping u tħaddir taż-żona. Dan filwaqt li nbidlu wkoll ir-railings u d-dawl permezz ta’ proġett li sewa madwar €155,000 u li kien meħtieġ minħabba li l-post huwa espost għall-elementi tal-baħar.

“Il-belvedere joffri veduti panoramiċi kif ukoll post ta’ mistrieħ f’żona urbana. Għalhekk huwa importanti li dan il-post jinżamm fi stat tajjeb sabiex igawdu minnu r-residenti kif ukoll bosta nies li jżuru din il-lokalità speċjalment fix-xhur tas-sajf,” stqarr il-Ministru Clint Camilleri.

Huwa kompla jgħid li din mhijiex l-ewwel darba li l-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ ibbenifika mill-fondi tad-Development Planning Fund għal proġetti fil-lokalità filwaqt li nnota li dan il-fond qed igawdu minnu diversi kunsilli li jsebbħu żoni fil-lokal tagħhom sabiex jitgawdew mill-pubbliku.

Min-naħa tagħha, is-Sindku taż-Żebbuġ Marlene Cini spjegat ix-xogħol li sar permezz ta’ dan l-investiment, fejn il-kunsill lokali ħa ħsieb li jibdel ir-railing u dawl ta’ parti minn Triq Santa Marija u nbena mill-ġdid belvedere b’veduti mill-isbaħ tal-villaġġ turistiku ta’ Marsalforn.

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar huwa kommess li jkompli jagħti l-għajnuna fejn meħtieġ sabiex ikomplu jissebbħu żoni madwar il-gżejjer li jgawdi minnhom kulħadd.

Ekonomija

Sport