Wednesday, April 24, 2024

Inawgurati outdoor gyms f’bosta djar tal-anzjani tal-gvern

Aqra wkoll

Ġie inawgurat tagħmir ta’ gym fuq barra, li jikkonsisti fi steering and arm wheel u pedal chair fid-djar tal-anzjani tal-gvern fil-Mosta, il-Mellieħa, l-Imtarfa u l-Furjana. Dan ġie inawgurat mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, flimkien mad-Direttorat tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC) fil-Mellieħa. Il-ministru spjega li dan huwa l-andament tal-gvern dwar kif se jinvesti fl-anzjani tagħna sabiex ikollhom modi ta’ kif anke jagħmlu eżerċizzju fiżiku.

“L-għan ewlieni tagħna huwa li nittrasformaw is-soċjetà tal-anzjani minn waħda ta’ dipendenza għal anzjanità attiva, sabiex tingħata indipendenza u dinjità f’dan l-istadju tal-ħajja tal-individwu”, qal il-Ministru Abela. Huwa kompla billi qal li iżjed ma jkunu b’saħħithom l-anzjani tagħna bl-eżerċizzju fiżiku, inqas ikollna pressjoni fuq is-sistema tas-saħħa u l-kura soċjali f’pajjiżna.

Il-Ministru Jo Etienne Abela spjega wkoll li, “attivitajiet fiżiċi regolari għandhom ħafna benefiċċji minħabba li hekk kif nikbru, il-mobilità ssir dejjem aktar importanti. Ir-riċerka wriet li l-eżerċizzji jgħinu biex inaqqsu r-riskju ta’ waqgħat, immunità aktar b’saħħitha u diġestiv imtejjeb, pressjoni tad-demm u densità tal-għadam aħjar, kif ukoll riskju aktar baxx ta’ mard bħall-Alzheimer’s disease, id-dijabete, l-obeżità, il-mard tal-qalb, l-osteoporożi, u ċerti tipi ta’ kanċer. Dan jgħin ukoll lill-muskoli jissaħħu sabiex l-anzjani jkunu jistgħu jibqgħu jagħmlu l-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum mingħajr ma jsiru dipendenti fuq ħaddieħor.”

Dan l-investiment se jitkompla fid-djar tal-anzjani kollha tal-gvern.

Sport