Friday, April 19, 2024

Inawgurati żewġ pitturi ta’ Francesco Zahra fil-Bażilika tal-Isla

Proġett mill-Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali b’fondi tal-Unjoni Ewropea

Aqra wkoll

Ġie inawgurat ix-xogħol ta’ restawr u konservazzjoni fuq żewġ pitturi tal-artist Malti Francesco Zahra, li jinsabu fil-kor tal-Bażilika Minuri ta’ Marija Bambina, l-Isla. Dan il-proġett sar mill-Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, b’kofinanzjament ta’ 80% minn fondi tal-Unjoni Ewropea. 

L-inawgurazzjoni saret mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi. Preżenti wkoll is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross, u l-Arċipriet Kan. Robin Camilleri.

Il-pitturi juru l-Lunzjata u l-Preżentazzjoni tal-Verġini Mqaddsa Marija u saru fl-1741, meta Francesco Zahra kien jgħix l-Isla. L-ewwel interventi ta’ restawr fuq dawn iż-żewġ pitturi kbar saru fl-istess żmien li l-knisja kienet qed terġa’ tinbena minħabba l-ħsarat li ġarrbet waqt it-Tieni Gwerra Dinija. 

Mill-istudju li sar irriżulta li l-ikbar ħsara saret lit-tili u t-tilari tal-injam. Id-deterjorament taż-żewġ pitturi seta’ ġie kkawżat ukoll miż-żebgħa li tqiegħdet fuq il-verniċ waqt l-interventi li saru mal-medda ta’ snin. Dan il-proġett ta’ restawr taż-żewġ pitturi ġie jiswa ftit iktar minn €28,500.

L-Isqof Joseph Galea-Curmi qal li tassew jixraq li l-inawgurazzjoni taż-żewġ pitturi saret ftit jiem qabel il-festa ta’ Marija Bambina, kif ukoll lejlet it-tifkira taċ-ċentinarju mill-inkurunazzjoni tal-istatwa ta’ Marija Bambina.

Huwa qal li x-xogħol komplut fuq dawn il-pitturi ta’ Francesco Zahra jservi ta’ ġid mhux biss għall-komunità Sengleana imma wkoll għall-Knisja kollha f’Malta u għas-soċjetà Maltija. 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi fakkar li x-xogħlijiet li sar fil-Bażilika tal-Isla jagħmlu parti minn proġett ferm akbar li hemm allokat għalih madwar €4.5 miljun kofinanzjati minn fondi Ewropej li jinkludi numru ta’ lokalitajiet oħra madwar Malta u Għawdex bl-għan li ssir konservazzjoni, protezzjoni u promozzjoni tal-wirt kulturali reliġjuż fil-gżejjer Maltin.

Dr Zrinzo Azzopardi qal li permezz ta’ proġetti bħal dawn qed inkomplu ninvestu aktar fondi mill-Unjoni Ewropea fil qalba tal-lokalitajiet. 

Fid-diskors tiegħu, Michael Pace Ross qal li dan hu l-14-il proġett ta’ restawr u konservazzjoni li qed tinawgura l-Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. 

Sport