Saturday, December 21, 2024

INĊENTIV LI GĦANDU JATTIRA INTERESS F’KARRIERI LI SETGĦU TILFU L-POPOLARITÀ

Aqra wkoll

Il-bidu ta’ sena skolastika ġdida ma waqqfet xejn mill-ħidma ta’ dan il-Gvern li jkompli jinvesti fil-qasam edukattiv. Proprju s-Sibt li għadda tħabbret żieda oħra fl-istipendji ta’ studenti li jkunu qegħdin isegwu 46 kors fl-Università jew fl-MCAST, b’investiment ta’ madwar €6.5 miljun.

Nemmnu li dan huwa inċentiv ieħor li se jkun qed jgħin biex aktar studenti jidħlu biex jitħarrġu għal xogħlijiet speċifiċi li jista’ jkun li fl-aħħar snin bħal donnu raw nuqqas ta’ interess mill-istess studenti, liema inċentiv huwa kruċjali għal Malta ta’ Għada. Fost dawn hemm il-professjoni tal-għalliema u dawk li qegħdin jistudjaw suġġetti bħall-bijoloġija, il-matematika, il-kimika u l-fiżika. 

B’dan il-mod, il-pajjiż qiegħed jassigura li jkollu ħaddiema biżżejjed u anke bil-ħiliet tekniċi meħtieġa li jkun hemm bżonn. Wara kollox, l-akbar investiment li jista’ jsir huwa dak fl-aqwa riżors illi għandu pajjiżna, jiġifieri r-riżors uman. Għalhekk mhux biss se jkun qiegħed jibbenefika l-istudent minn dan l-inċentiv, imma wkoll il-pajjiż b’mod inġenerali, billi se jkomplu jissaħħu l-kompetenzi u l-ħiliet meħtieġa għall-ekonomija.

Min-naħa l-oħra, ma nistgħux ukoll ma nirrimarkawx l-importanza tat-taħriġ fis-snajja, li mingħajr inċentivi bħal dawn jinsabu f’theddida li jintilfu għalkollox. Huwa għalhekk li naqblu perfettament ma’ dak li qal il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima li filwaqt li jissaħħaħ dak li hemm illum, nerġgħu nibnu fuq dak li seta’ ntilef matul iż-żmien. Huwa essenzjali li din l-esperjenza tkun waħda ħolistika u fejn possibbli tibda qabel il-livell post-sekondarju biex l-istudenti jkollhom l-għarfien meħtieġ u b’hekk ikunu jistgħu jkomplu jimirħu f’dawn is-suġġetti.

Il-Gvern għaraf ukoll l-importanza ta’ dan kollu billi fl-istrateġija ġdida dwar l-edukazzjoni għas-sitt snin li ġejjin, l-istudent qiegħed jitpoġġa fiċ-ċentru tagħha. Strateġija li tħares lejn il-benesseri tal-istudenti, filwaqt li tgħinhom jifhmhu aħjar l-opportunitajiet ġodda li għandhom quddiemhom.

Filwaqt li nirrikonoxxu li dawn l-isforzi għal dawn iż-żidiet huma messaġġ ċar u b’saħħtu ta’ Gvern li jemmen f’kull student li quddiemu għandu tistennieh karriera aktar milli impjieg, iżda ma nistgħux ma ninnutawx il-bżonn ta’ pjan aktar wiesgħa biex karrieri oħrajn li diġà hemm domanda kbira għalihom ikun jista’ jkollhom ukoll inċentivi simili. Nemmnu fuq kollox li kulħadd għandu d-dritt li jasal biex jagħżel il-karriera li jkun ilu joħlom u jaspira għaliha. 

Ekonomija

Sport