Monday, May 13, 2024

50 abbozz approvat sa issa f’din il-leġiżlatura

Illum jirritorna l-Parlament wara l-btajjel tas-sajf

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Illum se jerġa’ jibda jiltaqa’ l-Parlament wara l-btajjel tas-sajf, bis-seduta parlamentari tal-lum se tkun l-149 waħda f’din il-leġiżlatura. Fuq l-aġenda parlamentari se jkun hemm l-Ewwel Qari ta’ diversi Abbozzi ta’ Liġijiet fosthom dawk li se jemendaw l-Att dwar il-Gvern Lokali u l-Att dwar il-Professjoni Nutarili u l-Arkivji Nutarili. 

Barra minn hekk, mistennija li ssir diskussjoni fl-istadju tat-Tieni Qari dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali (Emenda Nru. 3) bl-għanijiet u r-raġunijiet ta’ dan l-Abbozz huwa sabiex jiġi ċċarat il-mod ta’ kif tiġi kkalkulata l-piena f’każ ta’ ċirkostanzi aggravanti. 

Sadanittant, statistika li għandu f’idejh dan is-sit turi li bejn Mejju 2022 u Awwissu 2023, kienu ppubblikati 63 Abbozz ta’ Liġi filwaqt li ġew approvati 50 Abbozz mill-istadju tat-Tielet Qari. B’kollox f’dan il-perjodu ġew imressqa 165 mozzjoni u tpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra 2,111-il dokument.

L-Ispeaker sa issa ta 25 ruling f’din il-leġiżlatura li fiha saru wkoll żewġ stqarrijiet ministerjali mill-Prim Ministru Robert Abela – waħda dwar il-parteċipazzjoni tiegħu f’laqgħat tal-Kunsill Ewropew u l-oħra dwar impenji internazzjonali. 

F’kummenti ma’ dan is-sit, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia spjega kif “l-aġenda parlamentari tal-lum hi twila tant li hemm 9 abbozzi ta’ liġi li jinsabu fl-istadju tat-Tieni Qari. Se jkun hemm il-Kumitat tal-Abbozzi ta’ Liġi li għandu 5 abbozzi quddiemu.” 

Huwa żied jgħid li qabel is-seduta parlamentari tat-Tnejn se jiltaqa’ l-Kumitat Permanenti dwar ix-Xogħol tal-Kamra li se jiddiskuti dwar il-proċedura li se jimxu biha wara li jsir il-qari tal-Budget fit-30 t’Ottubru li ġej u l-voti li jittieħdu.

L-Ispeaker semma wkoll li fis-sajf iltaqa’ wkoll il-Kumitat dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika u l-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi filwaqt li saru diversi seduti fil-plenarja bil-parteċipazzjoni tal-pubbliku fosthom taż-żgħażagħ. 

“Il-Parlament ma waqafx bl-attivitajiet tiegħu, inkluż fil-foyer bl-eżebizzjonijiet waħda wara l-oħra, fejn issa qed nippreparaw ukoll għan-Notte Bianca,” temm jgħid l-Ispeaker Anġlu Farrugia. 

Sport