Saturday, December 21, 2024

Indjan li kellu jħallas €7,000 biex jiġi jaħdem f’Malta

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Naf minn sħabi li siefru b’xogħlijiet lejn diversi pajjiżi fl-Ewropa. Fl-Istat tal-Punjab –  fejn kont ngħix jien, hemm għadd kbir ta’ aġenziji li jgħinuk biex tibda l-proċess u jkollhom id-dokumentazzjoni meħtieġa għal xogħol f’pajjiż Ewropej. Ħafna drabi anke jgħidulek ix-xogħol li tkun se tagħmel. Meta tara kemm se taqla f’Malta u dak li tkun qed titħallas fil-Punjab, issib li l-paga hawn tiżdidlek b’erba’ jew ħames darbiet. Meta tibda tħallas il-pagamenti mitluba għad-dokumentazzjoni tinkludi li hemm prezz. Ġietni €7,000. Kien hemm oħrajn ħallsu bejn €4,000 u €5,000 biex kellhom id-dokumenti kollha marbutin max-xogħol.”

Jiddikjara dan Guneet, ħaddiem Indjan li qed nibdlu ismu biex nipproteġu l-identità tiegħu, li tkellem magħna dwar l-esperjenza tiegħu f’Malta, inkluż l-ispiża li kellu jħallas.  Jgħidilna li “tkun konxju li l-fatt li se titlaq lejn pajjiż ieħor għax-xogħol tiġi tiswik ammont sostanzjali ta’ flus.

Tkun lest tagħmel tagħmel dak is-sagrifiċċju. Fil-proċess imma imbagħad jibdew jiżdiedu l-ħlasijiet. Daqqa għal ħaġa u daqqa għal oħra. B’kollox ġietni €7,000 biex kelli d-dokumenti kollha neċessarji u ġejt hawn biex nibda ix-xogħol. Il-ħsieb kien li se jkolli xogħol partikolari, imma minħabba id-dewmien biex kelli id-dokumenti dak ix-xogħol kien ittieħed minn ħaddieħor, u għalhekk ingħatajt  xogħol ieħor differenti”. 

“Għenuni tal-familja…qed inħallas bil-mod il-mod”

Guneet ma joqgħodx lura milli jispjega il-proċess biex ġie hawn. “Iddeċidejt li nsegwi oħrajn qabli. Għamilt kuntatt ma’ aġenzija u minn hemm beda l-proċess.  Hemm ħafna jaħdmu bla ma huma liċenzjati.  Jien l-ewwel kelli impressjoni li l-ispiża se tkun mod u imbagħad bdew jiżdiedu l-ispejjeż. Baqgħet tiżdied u spiċċajt ħallast €7,000 biex kelli kollox.  Ma kellix biżżejjed u spiċċaw għenuni tal-familja. Bħali hawn ħafna oħrajn.” Jgħidilna li l-Gvern Indjan qiegħed jieħu passi biex jipprova jitratta l-abbuż u anke jinħarġu komunikati.

Jgħidilna li “l-Kummissjoni Għolja Indjana kienet infurmat biex dawk interessati li jaħdmu hawn joqogħdu attenti għand min imorru biex jibdielhom il-proċess u dan minħabba ħlasijiet esaġerati li kienu qegħdin jintalbu.”

Il-Kummissjoni Għolja Indjana f’komunikat li kienet ħarġet  liema komunikat kien inħareġ mill-Gvern Indian kien jgħid  li “kien innutat li hemm żieda qawwija ħafna fl-ammont ta’ persuni li jkunu qegħdin jippjanaw li jmorru jaħdmu barra l-Indja u jispiċċaw ingannata minn aġenti ta’ reklutaġġ mhux liċenzjati.  Dawn qegħdin jitolbu ħlasijiet qawwijin.  Dawn l-aġenti qegħdin joperaw bla liċenzja mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, u din  hi mandatorja għal min ikun qed jagħmel reklutaġġ għal xogħol barra l-Indja. Ħafna aġenti illegali qegħdin joperaw minn fuq Facebook, Whatsapp u piattaformi oħra.  Dawn l-aġenziji ftit li xejn joffru dettalji dwar minn fein joperaw u l-kuntatti tagħhom.  Ħafna drabi dawn jikkomunikaw bil-Whatsapp u jagħmluha diffiċli biex jiġu lokalizzati u biex tkun magħrufa l-identità tagħhom. Xi aġenti anke jispiċċaw jheddu lil dawn il-persuni li jkunu qegħdin ifittxu xogħol barra l-pajjiż. Normalment sidien ta’ postijiet tax-xogħol  b’reputazzjoni tajba iħallsu l-passaġġ bl-ajru, l-akkomodazjoni u anke l-assigurazzjoni.

Il-Kummissjoni Għolja Indjana tikkummenta li “dawk li jkunu qegħdin ifittxu xogħol barra l-pajjiż huma mħeġġa li jużaw servizzi legali u siguri. L-Att dwar l-Emigrazzjoni jgħid ċar u tond li l-ebda aġent ta’ reklutaġġ m’għandu jitlob ħlas li jkun aktar minn Rs. 30,000.  Kull min ikun se jsiefer għal xogħol u juża toroq oħra ta’ reklutaġġ, jinvolvi riskji serji li dak li jkun jispiċċa vittma ta’ frodi, jispiċċa ma jiħux ix-xogħol li jkun ġie mwiegħed u anke għixien diffiċli ħafna barra l-pajjiż”. 

Ħafna żgħażagħ mill-Punjab qegħdin  jitilqu lejn pajjiżi żviluppati…..hemm fond storiku u soċjali warajha

Nistaqsuh dwar ir-realtà ta’ żgħażagħ Indjani u r-raġunijiet li qegħdin iwasslu biex dawn jitilqu mill-pajjiż. Guneet jgħidilna li “hemm diversi raġunijiet. Ivarjaw. Hemm ħafna żgħażagħ minn familji ta’ ċertu status li qegħdin jagħżlu li jħallu l-pajjiż u jmorru lejn l-Ewropa u anke pajjiżi oħra. Il-Kanada, per eżempju hu pajjiż li ħafna Indjani joħolmu li jmorru jgħixu fih. Lejn l-Ewropa b’mod partikolari lejn it-Renju Unit, qegħdin imorru ħafna ukoll. 

Hemm kuntest storiku għaliex ħafna żgħażagħ mill-Punjab qed iħallu l-pajjiż u jemigraw. Sa minn ħafna żmien ilu,  l-invażjonijiet fl-Indja kienu jsiru minn dik magħrufa bħala l-Khyber Pass, li hi żona muntanjuża. Wara huma kien jaqsmu ix-xmara Indus, u minn hemm l-invażuri kienu jiffaċċjaw lil dawk li jgħixu fil-Punjab. Meta tintilef gwerra, in-nies fil-Punjab kienu jittieħdu għal żoni oħra. Dan hu l-kuntest storiku li minn ġenerazzjoni għal oħra ħoloq sens ta’ nuqqas ta’ biża’ fost in-nies tal-Punjab dwar bidla fir-realtà tal-għixien. 

Jekk nersqu aktar lejn żmienna naraw li  kemm fl-Ewwel Gwerra Dinjija u anke fit-Tieni Gwerra Dinjija ammont ta’ persuni li kienu jgħixu fil-Punjab fosthom żgħażagħ kienu reklutati biex iservu fil-kunflitt fl-Afrika ta’ Fuq u anke f’pajjiżi oħra. Hi xi ħaġa komuni fil-Punjab li ssib persuni li jgħidulek li n-nanniet tagħhom kienu ħadu sehem fil-gwerra. Il-fenomenu ta’ tluq mill-Punjab tista’ tgħid li hu injettat fost in-nies fil-Punjab u din l-influwenza llum tista’ taraha fost iż-żgħażagħ fil-Punjab. Tinħass u tħossha. tarah ukoll mill-ammont kbir ta’ aġenziji u aġenti li hemm biex jgħinuk tagħmel il-pass u tmur taħdem f’pajjiż ieħor”.

Jgħidilna li “llum qegħdin fl-era tal-midja soċjali. Iż-żgħażagħ fil-Punjab qegħdin jaraw kif persuni li kienu emigraw lejn il-punent, sar għandhom ħajja ta’ livell. Ħafna għandhom negozji tagħhom, djar u proprjetajiet. Jaraw u jisimgħu kif dawn jibagħtu l-flus lejn l-Indja biex jappoġġjat lil ġenituri tagħhom jew persuni oħra. Għal ħafna żgħażagħ fil-Punjab l-idea hi li s-suċċess iġġib billi titlaq lejn il-punent.”

Jgħidilna li “jekk tħares lejn il-Kanada, ħafna jsejħulha ‘mini punjab’. Dan minħabba l-ammont ta’ persuni mill-Punjab li hemm jgħixu hemm. Għalhekk persuni li bħalissa jgħixu fil-Punjab, iħossuhom komdi li jgħixu l-Kanada minħabba l-kommunità b’saħħitha li hemm u dan jgħodd għal pajjiżi oħra inkluż fl-Ewropa. Ir-raġunijiet huma diversi. Hemm min jitlob għax jara li hemm opportunitajiet ta’ xogħol barra b’pagi ħafna aħjar. Hemm oħrajn jitilqu għax jafu li hu ħafna aktar faċli li jkomplu bl-istudju tagħhom fl-Ewropa milli fl-Indja.” 

“Meta niġu hawn jagħmlulna kuntratt ġdid”

Tkellimna ma’ għadd ta’ persuni Indjani li qegħdin jaħdmu f’pajjiżna.  Ir-realtajiet ivarjaw iżda qiegħed ikun hemm ammont kbir ta’ każi fejn kif dawn il-ħaddiema jaslu f’pajjiżna jiġu infurmati li se jsirilhom kuntratt ġdid. 

Guneet jgħidina li “sirt naf fl-aħħar jiem li fil-kuntratt il-ġdid għandi klawsola li jekk niddeċiedi li nitlaq minn Malta qabel ċertu żmien irrid inħallas aktar minn €1,000.”

F’ċerti kuntratti li qegħdin isiru hemm, u li suppost huma kuntratti indefiniti, hemm klawsola li jgħidulhom li jekk jitilqu wara 18-il xahar iridu jħallsu €1,200.

Realtà iebsa ħafna li qegħdin jiffaċċjaw dawn il-ħaddiema hi li jekk għal xi raġuni jitwaqqfu minn sid il-post tax-xogħol, is-sistema kollha tipponta lejhom u jridu jkunu huma li jsibu xogħol wara għaxart ijiem li junu tkeċċew. Jekk dan ma jsirx fi żmien għaxart ijiem huma jitqiesu bħala li qegħdin hawn illegalment.

“Din inġusta qalilna Guleet. Nafu b’diversi ħaddiema li spiċċaw maqbudin f’din il-ħaġa. Biex ma titkeċċiex u tispiċċa f’ġirja kontra l-ħin biex issib xogħol, tispiċċa tagħmel li jgħidulek. Il-biża’ tispiċċa bla xogħol u titkeċċa hi iebsa ħafna għalina. Diffiċli ssib xogħol f’għaxart ijiem minn mindu tkun tkeċċejt. Naf b’każi fejn ma rnexxielhomx isibu xogħol f’għaxart ijiem. Lanqas nistgħu nitkellmu għax mill-ewwel tiġi it-theddida li nitwaqqfu. Tispiċċa taċċetta kull ma jitfgħulek.”

“Jien xogħli  naf x’inhu. Imma dejjem ġej xogħol ġdid. Daqqa għin lil dak, daqqa għamel dik. Naf li mhux xogħli. Ġieli lanqas inkun naf x’se nagħmel. Inbaxxi rasi u nagħmilhom għax ma rridx nispiċċa bit-theddida ta’ tkeċċija fuq rasi”. 

Mod modern kif ‘jorganizzaw l-ilsiera’

Gujett jgħidilna li “inħoss li din hi sistema li tidħol fina mingħajr ma tinduna. Ikollok l-entużjażm li se taħdem barra u tgħin lill-familja u għalhekk tkun lest għas-sagrifiċċji. Ma’ wiċċek imbagħad tibda ssir sitwazzjonijiet li jirrestrinġuk. Tispiċċa b’theddida ta’ tkeċċija fuq rasek. Jekk toqgħod taħseb fuqha din lanqas tħallik trankwill. Trid tagħmel li jgħidulek.

Tibda taħseb biex forsi jkollok alternattiva jekk titkeċċa imma mhux faċli. Jgħiduli ġieli naħdem xi sigħat żejda. Ftit ikunu l-okkażjonijiet imma qisek ma tistax tgħid le. Metą naħseb fuqha nibda ngħid li dan hu mod modern kif jorganizzaw l-ilsiera llum. Niftakar meta konna żgħar kien jgħallmuna kif l-ilsiera kienu jixtruhom dawk li kellhom il-flus. Illum ngħid li konna aħna stess li ħallasna biex sirna skjavi. L-unika differenza li nara hu li aħna llum nitħallsu”.

Ekonomija

Sport