L-industrija tal-avjazzjoni hija waħda mill-pilastri ewlenin tal-ekonomija ta’ pajjiżna tant li tikkontribwixxi mas-€600 miljun fis-sena fl-ekonomija lokali filwaqt li tħaddem eluf ta’ persuni. Din hija industrija li qegħdin narawha tkompli tikber u tiżviluppa u riċentament ukoll tħabbar investiment multi miljunarju f’dan ir-rigward.
Dan l-investiment li qed nitkellmu dwaru, li qed isir minn Lufthansa Technik Malta, ilaħħaq it-€22 miljun u jikkonsisti f’hangar ġdid għall-manutenzjoni tal-ajruplani wide-body, biswit il-faċilitajiet tagħha f’Ħal Luqa. Investiment li huwa wkoll frott l-appoġġ tal-Gvern permezz tal-Malta Enterprise u lNDIS.
Dan se jkun proġett li kif qal tajjeb il-Prim Ministru se jkompli jpoġġi lil pajjiżna fuq quddiem fl-industrija dinjija tal-MRO (Maintenance, Repair and Overhaul). Fl-istess waqt li se jkun qiegħed jiġġenera 70 impjieg ġdid u li huma high-skilled.
Tajjeb li nsemmu però illi l-kuntest ta’ dan l-investiment huwa l-andament ekonomiku pożittiv ta’ pajjiżna tant li mill-2013, l-ekonomija kibret b’86% biex b’hekk qabżet sew it-tkabbir medju fiż-Żona Ewro li kien ta’ 14%. Jorbot ma’ dan kollu huma l-prospetti ekonomiċi mill-aktar b’saħħithom li qed ikompli jirreġistra pajjiżna, b’ċertifikati pożittivi wieħed wara l-ieħor minn aġenziji ta’ kreditu internazzjonali.
Quddiem dan kollu, u anke b’dan l-aħħar investiment minn Lufthansa Technik, nemmnu li qiegħed jintbagħat messaġġ illi l-industrija tal-avjazzjoni hi waħda dinamika, lesta għall-futur u kapaċi tipprovdi servizz tal-ogħla livell. Huwa għalhekk ukoll li s-settur tal-avjazzjoni se jkun wieħed mill-pilastri ewlenin tat-tkabbir f’Viżjoni Malta 2050.
Naqblu wkoll li l-Gvern se jkompli jinvesti fl-infrastruttura, fit-talent u fit-teknoloġija meħtieġa biex l-industrija tal-avjazzjoni ta’ pajjiżna tkompli titla’ għal livelli ġodda.
Tassew, dan il-proġett huwa wkoll punt ta’ tluq fejn Malta tista’ tasal għada, fejn il-gvern jista’ jasal bl-ambizzjonijiet u l-miri tiegħu u fuq kollox fejn flimkien nistgħu naslu għal Malta aħjar, Malta protagonista, Malta ċentru ta’ eċċellenza.