Saturday, December 21, 2024

“Industrija tal-films sostenibbli u li toħloq il-karrieri” – il-Ministru Clayton Bartolo

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo qal fil-Parlament li mill-bidu tal-pandemija sa Diċembru tal-2021, l-industrija tal-films iġġenerat xejn inqas minn €98 miljun fl-ekonomija. Huwa qal ukoll li fl-aħħar snin, inħolqu ‘l fuq minn 2,000 impjieg f’din l-industrija.

Huwa qal li fl-2019 ġew attirati lejn pajjiżna 22 produzzjoni filwaqt li fl-2020, is-sena li fiha faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19 ġew attirati 13-il produzzjoni u matul is-sena li għaddiet, kellna 22 produzzjoni.

“Fi żmien il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern wara kull produzzjoni li kienet tiġi u titlaq minn pajjiżna l-ħaddiema kien ikollhom imorru jirreġistraw, għax ma kienx ikun hemm biżżejjed films ġejjin minn barra.

“Iżda llum il-ġurnata grazzi għall-ħidma mwettqa mill-Kummissjoni għall-Films flimkien mal-Gvern, qed jirnexxielna li lil dawn il-ħaddiema nagħtuhom industrija sostenibbli, li toħloq il-karrieri u li verament tilħaq l-aspirazzjonijiet tal-Maltin u l-Għawdxin kollha,” tenna l-Ministru Bartolo. 

Sadanittant, il-Ministru Bartolo kien mistoqsi mid-Deputat Nazzjonalista Karl Gouder dwar kemm ġiet tiswa l-attività ‘Malta Film Awards’ li seħħet nhar is-Sibt 29 ta’ Jannar 2022, bil-Ministru jgħid li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ekonomija

Sport