Friday, December 27, 2024

Ineffiċjenzi fil-kooperazzjoni ma’ pajjiżi mhux tal-UE rigward ir-ripatrijazzjoni

Aqra wkoll

Skont rapport speċjali li ġie ppubblikat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA), il-kooperazzjoni tal-UE ma’ pajjiżi mhux tal-UE ma kinitx effiċjenti biex tiżgura li l-migranti illegalment preżenti fit-territorju tal-UE jirritornaw lejn pajjiżhom. Matul il-perjodu 2015-2020, l-UE kisbet biss progress limitat fil-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ riammissjoni ma’ pajjiżi mhux tal-UE. Barra minn hekk, l-azzjonijiet tal-UE ma ġewx simplifikati biżżejjed biex jiġi żgurat li l-pajjiżi mhux tal-UE jikkonformaw mal-obbligi tagħhom ta’ riammissjoni fil-prattika.

Kull sena mill-2008 ’l hawn, madwar nofs miljun ċittadin mhux tal-UE ġew ordnati jitilqu mill-UE minħabba li kienu daħlu, jew kienu qed joqogħdu, fiha mingħajr awtorizzazzjoni. Madankollu, inqas minn persuna minn kull ħamsa minnhom realment jirritornaw lejn pajjiżhom barra mill-Ewropa. Waħda mir-raġunijiet għall-għadd baxx ta’ ritorni ta’ migranti irregolari hija li l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini tal-migranti hija diffikultuża. Għalhekk l-UE diġà kkonkludiet 18-il ftehim ta’ riammissjoni li huma legalment vinkolanti, u fetħet formalment diskussjonijiet ma’ sitt pajjiżi oħra. 

Aħna nistennew li l-awditu tagħna jikkontribwixxi għad-dibattitu rigward il-Patt il-Ġdid tal-UE dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, minħabba li politika ta’ riammissjoni li tkun effettiva u mmaniġġjata tajjeb hija parti essenzjali minn politika komprensiva dwar il-migrazzjoni,” qal Leo Brincat, il-Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri responsabbli għar-rapport. “Madankollu, is-sistema attwali ta’ ritorni tal-UE qed tbati ħafna minn ineffiċjenzi li jwasslu għall-oppost tal-effett intenzjonat: l-inkoraġġiment, aktar milli l-iskoraġġiment, tal-migrazzjoni illegali.

Dgħufija oħra li ġiet enfasizzata mir-rapport hija n-nuqqas ta’ sinerġiji fi ħdan l-UE nfisha. L-UE mhux dejjem “tkellmet b’vuċi waħda” ma’ pajjiżi mhux tal-UE, u l-Kummissjoni Ewropea mhux dejjem kienet tassoċja ma’ Stati Membri ewlenin fl-iffaċilitar tal-proċess tan-negozjati. 

Barra minn hekk, l-awdituri jqisu li l-progress lejn l-inċentivar ta’ pajjiżi mhux tal-UE biex jimplimentaw l-obbligi tagħhom ta’ riammissjoni mhuwiex suffiċjenti. Fost il-ħafna għodod li l-UE għandha għad-dispożizzjoni tagħha, l-awdituri identifikaw riżultati tanġibbli għal waħda biss: il-politika tal-UE dwar il-viżi, li d-dispożizzjonijiet riveduti tagħha jistgħu jkunu ta’ għajnuna biex il-pajjiżi mhux tal-UE jikkooperaw rigward ir-riammissjonijiet.

Fl-istess ħin, l-UE ilha tistinka biex tgħin lill-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni prattika rigward ir-ritorni u r-riammissjonijiet, b’mod partikolari billi tappoġġa lin-networks li rnexxielhom jiġbru flimkien ir-riżorsi nazzjonali u billi tkabbar l-appoġġ tal-Frontex għall-attivitajiet ta’ qabel ir-ritorn u għall-operazzjonijiet ta’ ritorn. Dawn l-azzjonijiet kienu, b’mod ġenerali, rilevanti. Madankollu, l-impatt reali tagħhom għadu mhuwiex magħruf, billi hemm ammont kbir ħafna ta’ dgħufijiet li jaffettwaw id-data tal-UE dwar ir-ritorni u dwar il-kooperazzjoni rigward ir-riammissjoni. Id-data mhijiex kompleta, u mhijiex kompletament komparabbli fost l-Istati Membri kollha.

AQRA WKOLL:

Illum joħroġ rapport dwar ir-ripatrijazzjoni tal-immigranti
Ekonomija

Sport