Il-president tal-FIFA Gianni Infantino tkellem dwar it-tazza tad-dinja tal-klabbs li se ssir bejn il-15 ta’ Ġunju u t-13 ta’ Lulju li ġej. Il-kliem waqa’ fuq is-suq tat-trasferimenti tas-sajf u anke dwar kuntratt li normalment jiskadu fit-30 ta’ Ġunju 2025.
Infantino qal li se tinfetaħ tieqa speċjali fl-ewwel għaxart ijiem ta’ Ġunju sabiex xi timijiet ikollhom iċ-ċans jissaħħu u fl-istess waqt jirreġistraw il-plejers qabel tibda l-kompetizzjoni.
Fir-rigward ta’ dawk il-plejers li se jkun qed jiskadilhom il-kuntratt f’nofs kompetizzjoni, Infantino sostna li għandu jkun hemm ftehim speċjali sabiex jekk ikun irid, il-plejer partikolari jieħu sehem b’mod normali imbagħad jingħata ċ-ċans biex jitlaq ftit tal-jiem wara.