Monday, December 23, 2024

INFORMAZZJONI

Aqra wkoll

Id-dinja madwarna tippernja fuq volumi enormi ta’ informazzjoni li l-ħin kollu tiġi ġġenerata, tintuża u tiġi reġistrata, meta tissejjaħ “data” (dejta). Kull qasam tal-ħajja umana hu involut f’dal-ġbir, użu u reġistrar. L-ispazji elettroniċi li fihom tinżamm id-dejta huma tal-aqwa valur għal min ifittex li jidderieġi, jikkontrolla, jiggwida, iħares il-ħajja tal-bnedmin. Iservu wkoll biex jinfetħu negozji u modi ġodda kif isiru n-negozji.

Dan l-aħħar bdejt nifhem kemm saru kruċjali dawn l-hekk imsejħa spazji tad-dejta. Għandhom valur finanzjarju, strateġiku u materjali bla qies. Organizzati tajjeb, joffru pjattaformi kbar li minnhom jittellqu inizjattivi ġodda biex itejbu l-produzzjoni u l-bejgħ ta’ varjetà wiesgħa ta’ oġġetti u servizzi.

Ikkonċentrajt l-aktar fuq spazji tad-dejta fil-qasam finanzjarju fejn diġà kellhom impatt qawwi fuq it-tmexxija tal-banek. Issa bdew jaffettwaw l-assigurazzjonijiet.
Qed tagħmel tajjeb l-Unjoni Ewropea li tara kif toħloq qafas fejn l-ispazji tad-dejta jistgħu jiżviluppaw fuq skala kontinentali u fi skema ta’ regoli li jassiguraw il-benessri tal-konsumaturi.

PALESTINA

Dak li jinsab għaddej f’Iżrael hu perikoluż ħafna. Biex jirbaħ il-gvern, il-Prim Ministru Netanjaħu ta piż qawwi lill-alleati reliġjużi “estremi” tal-koalizzjoni. Dawn iddettaw linja politika iebsa lejn il-Palestinjani u favur l-Iżraeljani li jmorru jwaqqfu rħula f’żoni fejn jgħixu l-Paelstinjani. (Dan barra mill-polemika li baqgħet tiħrax dwar ir-riformi li Netanjaħu jrid idaħħal fis-sistema ġudizjarja tal-pajjiż).

Il-gvern Iżraeljan jara kif ibenġel dak li qed iwettaq billi jipponta lejn l-Iran (pajjiż “estremist” ieħor) li skont hu, qed jisponsorja terroriżmu Palestinjan. Il-problema vera hi li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar il-gvern Iżraeljan sar qed jaġixxi ta’ wieħed ditattorjali u iva, jiddispjaċini ngħid, razzist. Dnub kbir.

Imma ilna nitbekkew b’dal-mod għal deċennji. Kull darba s-sitwazzjoni teħżien.

LI DEMOKRAZIJA BIŻŻEJJED?

Ta’ spiss nieħu l-impressjoni li meta l-istituzzjonijiet Ewropej iqisu x’jidhrilhom mill-pajjiżi li jdawruhom, il-kriterju ewlieni hu jekk dawn il-pajjiżi humiex immexxija b’mod “demokratiku” jew “awtokratiku”. Jekk tal-ewwel, ftit jistgħu jarawlhom ħażin. Jekk tat-tieni, żgur li għandhom kollox ħażin.

Issa, għalkemm il-karatteristika ta’ demokrazija hi pożittiva ħafna, jista’ wkoll jirriżulta li pajjiż demokratiku jkun agressiv u imperjalista fl-għanijiet tiegħu. Għax hu demokratiku, għandu jiġi appoġġjat b’għajnejn magħluqa?
Ħabib tiegħi qalli: Minn fejn ġibtha li l-Ewropej infallibbilment jappoġġjaw id-demokraziji a skapitu tal-awtoritarjaniżmu? Sakemm ikun ukoll jaqblilhom, iva. Imma ara x’ġara meta qamet il-kriżi tal-enerġija.

Malajr insew il-prijorità tal-valuri demokratiċi u għamlu minn kollox biex jinħabbu mal-poteri tal-Golf Għarbi, bħas-Sawdi Għarabja. Hemm x’imkien gvern aktar awtoritarju u selvaġġ f’kif isostni l-ħakma tiegħu fuq il-poplu minn dak Sawdi?

Ekonomija

Sport