Wednesday, April 24, 2024

INGAWDU L-ĦAJJA B’MOD BILANĊJAT U ‘L BOGĦOD MILL-ALJENAZZJONI TA’ ĦIDMA KONTINWA

Aqra wkoll

Dan il-ħsieb li se nikteb fuqu llum tajjeb li nosservawh b’ċertu attenzjoni u reqqa. Imqanqla mill-fatti u mill-aħbarijiet li sfortunatament nisma’ ta’ spiss, inħoss li kelli nkellimkom propju dwar dan. Il-ħajja hija rigal, li hija mislufa lilna u sfortunatament ħadd minna ma jaf għal kemm. Spiss nisimgħu każi fejn ħbieb jew kollegi tagħna jħalluna għal ħajja eterna u wkoll agħar minn hekk nisimgħu min jgħid, ma gawdiex għax dejjem ħadem. Il-bniedem maħluq biex jgħix, u biex tgħix trid taħdem, iżda li nsiru lsiera tax-xogħol tagħna u li nidħlu f’aljenazzjoni li tirkibna u li nsiru skjavi tal-ħajja, dan mhuwiex tajjeb. 

Il-ħajja li aħna ngħixu speċjalment bir-rutina ta’ kuljum, neħduha b’mod for granted, mingħajr qajla naħsbu x’jista’ jiġri lilna jew lil xi ħadd għażiż qrib tagħna. Mingħajr ma nqisu xejn ninsew u naljenaw rasna kemm hu faċli ngħaddu minn esperjenzi li ma nkunux qegħdin nistennewhom u wkoll li ma jkunux esperjenzi pjaċevoli. Spiss bħali tisimgħu fl-aħbarijiet bl-ammont ta’ inċidenti li qegħdin iseħħu kuljum. 

Tikteb il-Psikologa Katya De Giovanni/ Ritratti: Alan Saliba

F’dinja daqshekk mgħaġġla li dħalna fiha llum dawn l-inċidenti huma sfortuna għal min iġarrabhom. Għaldaqstant qed nipprova noħloq għarfien fostna illi għalkemm il-ħajja ma nikkmandawhiex aħna, iżda r-rutina nippjanawha aħna. Nifhem u nemmen ukoll li biex ingawdu rridu naħdmu iżda li l-persuna jkollha żvog f’ħajjit­ha huwa wieħed mid-drittijiet tal-persuna. Nerġa’ ntenni li isbaħ mill-għaqal ma jeżistix u kultant waħdi fis-silenzju ngħid li l-ħajja ma tkunx ġusta f’ċertu aspetti, iżda dan ma nistgħux inbiddluh aħna. Għaldaqstant dan huwa l-parir sinċier tiegħi, li kemm jista’ jkun insibu dak il-ftit ħin fil-ġurnata li fih nagħmlu dak li jtina sodisfazzjon u li jżommna pożitivi b’tali mod li nħarsu lejn il-ħajja b’mod kostruttiv. Tajjeb li l-bniedem ukoll; għalkemm kif għidt aktar qabel mhux f’idejna li niddeċiedu, għandu jippjana affarijiet sbieħ, li jagħtuh sodisfazzjon u li jħares lejhom b’ċertu eċċitament. Eżempju għal dan forsi nippjanaw safra mal-familja jew mal-ħbieb. Tajjeb li min jista’ jaqta ftit ir-rutina billi fi tmiem il-ġimgħa joħroġ jiekol jew jiltaqa’ mal-ħbieb. Dawn l-avvenimenti jagħtu ċertu pjaċir lill-persuna. 

Ilkoll naqblu li isbaħ mid-divertiment u t-tgawdija ma jeżisti xejn fil-ħajja, għalhekk huwa tajjeb li ma  ninsewhx u kif qiegħda nissuġġerilkom niftakru li aħna ħaqqna ftit minn dan ukoll. Nagħlaq b’dan il-qawl Malti, li xemx u xita Alla jaf meta. Nittama li dan il-ħsieb iqanqal lil dawk li forsi daħlu f’aljenazzjoni ta’ rutina kontinwa sabiex jiftakru wkoll li ħaqqhom igawdu ftit. 

Sport