Wednesday, April 24, 2024

“Ħadd mill-PN m’aċċenna għal-liġi tat-tfal … mhux jixhdu erba’ darbiet, iżda darba kif sippost”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt li fil-Parlament kienu qed jiġu diskussi l-estimi finanzjarji tal-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul qal li jinsab diżappuntat kif ħadd mill-membri tal-Oppożizzjoni ma tkellmux dwar il-liġi tat-tfal li tant dan il-gvern ħadem fuqha.

“Il-liġi b’mod kontinwu titkellem fuq l-aqwa interess tal-minuri f’kull istanza. Għalhekk ninsab sorpriż meta l-Kelliema tal-Oppożizzjoni lanqas biss għamlu aċċenn għal din il-liġi,” qal Dr Ellul. “Daħħalna l-kunċett ta’ Children’s House. Konna kuraġġjużi li issa minuri li jiġi biex jixhed fi proċeduri kriminali jew saħansitra li jkun vittma, jagħmel dan f’setting ta’ tfal bi proċeduri robusti… biex il-minuri ma jkollux jixhed erba’ darbiet. Jixhed darba u kif suppost.”

Is-Segretarju Parlamentari Ellul kompla jgħid li fejn qabel il-Qorti, għal għexieren ta’ snin kulma kellha jew tiċħad jew tikkonferma care-order, illum hemm aktar rimedji fosthom ‘emergency care order’, ordni ta’ superviżjoni, ordni ta’ trattament u ordni ta’ tneħħija.

Huwa spjega wkoll li diġà hemm 119-il digriet li jagħti protezzjoni ta’ permanenza lill-minuri. Dan filwaqt li tbiddel il-kunċett tal-adozzjoni fejn illum il-ġurnata koppja li tiffosterja tista’ titlob biex tadotta wara tliet snin jekk ikollha tliet rapporti favorevoli.

Dr Ellul tenna li l-foster carers illum għandhom drittijiet li qabel lanqas kienu joħolmu li jkollhom fosthom li jkollhom aċċess għad-dokumenti kollha, li jiftħu kont bankarju għall-minuri u jkollhom dritt li jsiefru bil-minuri mingħajr ħafna kumplikazzjonijiet. 

Finalment, is-Segretarju Parlamentari qal li din il-liġi taraha taħdem fil-prattika meta tmur il-Qorti tal-Minorenni fejn tara l-interessi tal-minuri qed jiġu salvagwardjati mill-Avukat tat-Tfal, tara ġenituri li għandhom kwalunkwe dritt ta’ appell minn kull deċiżjoni u tara l-Qorti li għandha l-għodda biex tiddeċiedi u tissalvagwardja l-minuri fl-aħjar interess tagħhom.

Sport