Saturday, December 21, 2024

“Inħeġġiġkom biex tħarsu lejn il-professjoni tagħkom bħala servizz li tagħtu b’rispett u dinjità”

- L-Isqof Joseph Galea-Curmi lil gradwati l-ġodda tal-Università ta’ Malta

Aqra wkoll

It-Tlieta filgħaxija saret Quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla, immexxija mill-Isqof Joseph Galea-Curmi għall-gradwati l-ġodda tal-Università ta’ Malta sfil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.

Fl-omelija l-Isqof fakkar lill-gradwati ġodda li l-bnedmin maħluqin biex jaqdu, iħobbu u jagħtu servizz xieraq, u li permezz ta’ hekk jistgħu jilħqu l-milja f’ħajjithom. “Inħeġġiġkom biex tħarsu lejn il-professjoni tagħkom mhux bħala mezz kif titkabbru fuq l-oħrajn u tħossukom superjuri, kif toħolqu nies qaddejja madwarkom li jservu ta’ staffa għalikom, imma bħala servizz li tagħtu b’ħafna rispett u dinjità, b’ħafna mħabba kif jgħallimna Ġesù”.

Qal ukoll;” Hu dan is-sens ta’ servizz li jagħmel id-differenza kollha fil-ħidma tagħkom, imma hu dan li jagħti s-sens lil ħajjitkom, u jġib ħafna paċi.” Ħeġġiġhom ukoll biex jieħdu l-impenn li jegħlbu “l-kilba għall-flus, ir-regħba organizzata; it-tentazzjoni tal-korruzzjoni; il-mewġa li teqred l-ambjent, il-ħolqien ta’ Alla, u tkerrah lil pajjiżna –  dak il-ħażin li fl-aħħar mill-aħħar fil-fond ta’ qalbna jġegħilna ngħidu: ‘għamilna dak li ma kellniex nagħmlu’ ”.

Finalment l-Isqof Galea-Curmi awguralhom għall-futur tagħhom u nkoraġġihom biex ma jaqtgħux qalbkom jekk qegħdin fil-fażi li jfittxu xogħol jew qed ikomplu l-istudji tagħkom.

Talab ukoll għalihom biex ikollhom “il-fiduċja f’Alla li jakkumpanjakom dejjem, u biex tagħmlu t-tajjeb b’konvinzjoni li tkunu qed tagħtu l-aħjar kontribut possibbli għal soċjetà Maltija aħjar”.

Ekonomija

Sport