Minn Cristian Muscat
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Valletta FC.
Huwa unur li kelli l-opportunitá li nirrapreżenta dan il-klabb prestiġjuż f’Malta. Inħossni grat li kont parti minn grupp li rrapreżentajna l-klabb biex ngħinuh jirritorna fl-ogħla livell tal-futbol Malti … fejn jistħoqqlu. Qabel dan l-istaġun dejjem kont fuq in-naħa tal-oppożizzjoni, biss meta tkun parti mill-klabb tifhem iktar il-preġju tal-klabb. Il-partitarji, in-nies tekniċi, il-voluntiera, huma nies li dejjem issibhom wara l-klabb fl-isbaħ mumenti kif ukoll f’mumenti ta’ diffikultá. Il-passjoni tagħhom f’dak li jagħmlu ġurnata wara l-oħra, logħba wara logħba, tiġi trasferita eventwalment fil-pitch mal-plejers u dik kienet waħda mill-isbaħ emozzjonijiet li ħassejt dan l-istaġun. Il- att li eseprenzjat dan kollu, flimkien mar-rebħ tal- kampjonat, inħoss li kienet eseperjenza pożittiva.
X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara li sirtu Champions tal-BOV Challenge League biex ksibtu l-promozzjoni għall-Malta Premier?
Żgur li ma kinitx ħaġa waħda biss, imma kien ħafna xogħol, li tibda mill- formazzjoni tal-amministrazzjoni u tispiċċa fl-iżgħar partitarju. Nemmen li l-għaqda fl-isem tal-klabb, il-mentalitá ta’ dak kollu li jirrapreżenta l-klabb u l-umiltá kienu strumentali għal dan is-suċċess. Għalhekk nemmen li dan is-suċċess huwa frott l-għaqda ta’ kull persuna li jirrapreżenta lil Valletta FC.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Thane Micallef?
Nibda billi nirringrazzja lill-kowċ Thane Micallef li tani l-opportunitá li nkun parti mill-grupp ta’ plejers li rrapreżentajna il klabb dan l-istagun. Huwa kowċ, li nemmen li deskrizzjoni għalih tkun li huwa ossessjonat fuq il-logħba, u huwa rebbieħ. Inħoss li dawn l-attributi huma wkoll importanti biex tirrapreżenta klabb bħall-Belt. Mil-lat personali wkoll nemmen li bħala man-management apparti l-aspett kalċistiku dejjem tah importanza li hija ħaġa importanti biex ikollok dressing room pożittiva u magħquda. Inħoss li dejjem kien ċar fil-pjan tiegħu u dejjem wassal il-messaġġ ċar b’mod li emminna fih u dejjem trażmetta l-pożittivitá u l-energija lill-grupp.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Nemmen li l-kulturá fil-futbol qed tavvanza, u turi anke fl-aspett li l-klabbs qed ikunu eqreb ta’ xulxin f’termini ta’ klassifika. Ovvjament nafu s-sitwazzjoni tal- plajers barranin ukoll ġewwa Malta li minn żmiem għall-ieħor qed tikber. Nemmen li l-livell mhux jogħla għall-fatt li żdiedu l-barannin biss iżda qed jogħla, l-aktar bid-detall fl-aspett atletiku u professjonali.
U dak tar-riżorsi fejn jintlagħab il-futbol lokali fosthom il-BOV Challenge League?
Nemmen li r-riżorsi li jużaw il-klabbs huma primarjament relatati mal-klabb aktar milli ma’ diviżjoni u ovvjament aktar ma tkun f’diviżjoni għolja aktar hemm fondi biex tagħmel użu minn riżorsi li jgħin il-klabb jgħolli l-livell tiegħu. Fejn jidħlu aspett ta’ logħob, nemmen li kemm il-Victor Tedesco Stadium kif ukoll is-Centenary Stadium jinsabu f’qagħda tajba.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Dan huwa t-tmien staġun tiegħi mid-debutt tiegħi fil-futbol. Kif tkellimt qabel, il- futbol huwa parti integrali minn ħajti u nemmen li huwa parti kbira mill-identitá tiegħi bħala persuna. Huwa dejjem sabiħ li tirbaħ l-unuri, u grat li rbaħt unur ieħor dan l-istaġun. Biss inħares lejn il-futur b’mod sempliċi, li nżomm lili nnifsi f’qagħda tajba biex inkun nista’ nibqa’ nilgħab din il-logħba tant sabiħa bl-istess gost u passjoni ġurnata wara l-oħra.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol, kif ukoll ieħor lill-partitarji numerużi ta’ Valletta FC.
Għal kull persuna li qed jaspira għal suċċess, mhux biss għall-futbol, il-messaġġ tiegħi huwa wieħed … ħu gost f’dak li qed tagħmel, fil-mumenti sbieħ, iċċelebrahom, fil-mumenti diffiċli tgħallem. Meta tieħu gost tagħmel dak li qed tagħmel, ikun suċċess minnu nnifsu. Lill-partitarji Beltin, nixtieq nirringrazzjahom talli laqgħuni fil-komunitá Beltija, u talli dejjem telgħu l-grawnd bi ħġarhom, bil- passjoni u bil-kuraġġ, partita wara partita, grazzi!