Saturday, December 14, 2024

“Inħossni responsabbli daqslikieku kont missierhom”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Familji Ukreni li ngħataw kenn f’Malta wara li kellhom jaħarbu minn pajjiżhom minħabba l-qilla tal-gwerra, tkellmu ma’ Talk.mt u rrakkontaw l-esperjenzi li għaddew minnhom mill-ewwel attakki Russi fuq l-Ukrajna.

Intant, b’rabta ma’ din l-inizjattiva li ngħatat l-isem “Adozzjoni tal-Familji Ukreni” tkellimna wkoll maċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Dr Jeffrey Pullicino Orlando. Huwa beda biex qalilna li huwa wkoll Direttur tal-Fondazzjoni Kenup u ilhom jaħdmu fuq bosta inizjattivi f’dawn l-aħħar snin bl-appoġġ sħiħ tal-Gvern Malti. 

Dr Pullicino Orlando semma kif iċ-Ċhairman Eżekuttiv tal-Kenup Holm Keller kien issuġġerixxa li l-uffiċini tal-Kenup fil-Kalkara jiġu mibdula f’residenza għal numru ta’ familji Ukreni minħabba ċ-ċirkostanzi preżenti u sfortunati f’pajjiżhom. 

Qal li: “ħassejt li b’dan il-mod inkunu qed nagħtu kontribut. Rasi ħassejtha se tinqasam għax għaraft li se jkun hemm responsabbiltà kbira fuqi u fuq kull min se jkun qiegħed jassisti. Filli għandi familja waħda u filli għandi 11-il familja li rridu nieħdu ħsiebhom.

“Dort lejn diversi ħbieb, entitajiet, it-tim li għandi hawn fl-MCST u sibt l-għajnuna kollha. Fil-fatt irnexxielna nbiddlu dawn l-uffiċini f’residenza għall-familji Ukreni. Qed nipprovdulhom ikel b’mod regolari u assistenza oħra inkluż dik medika u dentistrija fost oħrajn.” 

Dr Pullicino Orlando qal li b’dak li għamlu pprovaw kemm jista’ jkun lil dawn il-familji jħossuhom komdi hawn Malta għalkemm ‘il bogħod minn djarhom. “Provajt inpoġġi lili nnifsi fis-sitwazzjoni tagħhom. Filli qed tgħix komdu f’pajjiżek u filli trid titlaq minn pajjiżek. Dawn kulma kellhom bagalja f’idejhom. 

“Inħoss ukoll responsabbiltà ta’ missier flok missierhom. Il-missirijiet tagħhom kollha qed jiġġieldu kontra l-armata Russa. Regolarment jibagħtulna u jirringrazzjawna tal-appoġġ li qed nagħtu lil familthom.

“Nista’ nimmaġina kemm kienet iebsa għal dawn il-missirijiet minħabba dak li ġara f’pajjiżhom. Filli kollha kellhom professjoni tagħhom filli qed jiġġieldu, qabdu l-machine guns u bdew jisparaw.” 

Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-MCST kompla jgħid li dawn il-familji Ukreni se jibqgħu hawn kemm ikun hemm bżonn u li se jingħataw l-appoġġ kollu li jeħtieġu. Huwa tenna li qed jagħmlu ħilithom kollha biex lil dawn il-familji jagħmluhom iħossuhom milqugħa kemm jista’ jkun f’pajjiżna. 

Dan huwa eżempju ċar ta’ solidarjetà li juri l-poplu Malti ma’ kull min ikun fil-bżonn. 

Ekonomija

Sport