Wednesday, April 24, 2024

Inizjattiva biex ikun riċiklat skart tal-ġebla tal-franka

Aqra wkoll

Tnediet l-inizjattiva Re-Stone, li ġiet żviluppata biex ikun riċiklat skart tal-ġebla tal-franka, u li għalhekk ikun jista’ jintuża biex jinħolqu prodotti tal-bini riċiklati. Wara l-proġett hemm l-Università ta’ Malta permezz tal-Faculty for the Built Environment, immexxija mill-Professur Spiridione Buhagiar u l-perit Franco Montesin, b’kollaborazzjoni ma’ Halmann Vella. Il-proġett ġie ffinanzjat mill-Programm Fusion tal-R&I, amministrat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) b’fond ta’ madwar €200,000.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti enfasizza li proġetti bħal dawn huma fundamentali għall-iżvilupp ta’ pajjiżna għax b’hekk ikun assigurat li bħala nazzjon nagħmlu użu sostenibbli mir-riżorsi naturali tagħna permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni, anke fl-industrija tal-kostruzzjoni.

“Bħala Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, huwa ta’ sodisfazzjon għalija li nara li din l-inizjattiva diġà ntużat fl-ewwel kamra mibnija li tinsab ħdejn il-Villaġġ tas-Snajja f’Ta’ Qali,” qal is-Sur Azzopardi Tanti. Huwa qal li, “Issa nħares ’il quddiem sabiex inkomplu nkabbru dan is-settur u nimplimentaw ir-riċerka u l-innovazzjoni f’diversi oqsma u b’hekk inkunu nistgħu naraw il-frott tat-teknoloġija fit-tkabbir ekonomiku u t-trasformazzjoni fis-soċjetajiet tagħna”.

Matul avveniment li sar fiċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza Esplora, ir-rappreżentanti ta’ Re-Stone qasmu r-riżultati tal-proġett ma’ dawk preżenti. Spjegaw li dan kien riżultat ta’ għaxar snin ta’ riċerka u li l-punt tat-tluq tiegħu kien l-ammont ta’ skart tal-kostruzzjoni u tat-twaqqigħ. Huma spjegaw li l-iskart jgħaddi minn proċess proprjetarju biex jiġi kkonvertit għall-prodott b’valur miżjud ta’ kwalità għolja, bħal blokki tal-bini, u kisi tal-ħajt, fost prodotti oħra.

Direttur tal-Esplora Clayton Cutajar qal li, “Wieħed mill-għanijiet prinċipali ta’ Esplora huwa li nqarrbu d-distakk bejn ir-riċerka u l-pubbliku inġenerali. Fost il-ħafna modi li entitajiet jistgħu jagħmlu dan, hemm li jesponu riċerka lokali bħalma huwa l-proġett Re-Stone. Esplora se jkompli jservi bħala hub STEM, u jenfasizza l-mudelli tar-rwol tar-riċerkaturi lokali għall-ġenerazzjonijiet iżgħar tagħna, bit-tama li jkollna aktar studji u impjiegi relatati ma’ STEM.”

Re-Stone jiġbor skart tal-ġebla tal-ġir, blokok tal-bini jew skart skavat u dan jiġi pproċessat billi jitgħaffeġ u ssir il-gradazzjoni, filwaqt li jiġi pproċessat aktar biex jinbidel fi trab iggradat. It-trab jiġi kkonvertit f’paste biex b’hekk ikun jista’ jiġi ffurmat mill-ġdid. Din it-taħlita possibbilment se toffri soluzzjoni għall-isfida li qed taffaċċja l-industrija tal-kostruzzjoni, u l-isfida li l-ġebla tal-franka qed issir riżorsa dejjem aktar limitata. Dan il-prodott jista’ jintuża f’aktar minn ċiklu wieħed.

Il-Professur Spiridione Buhagiar, koordinatur tal-proġett, qal li l-iskart tal-kostruzzjoni tal-lum ċertament se jkun riżors għall-bini t’għada u għalhekk, sabiex nirnexxu, għandna bżonn rieda u impenn b’saħħtu ħalli nirriċiklaw l-iskart tagħna.

Sport