Inizjattiva tal-Karl Vella Foundation biex toffri appoġġ lill-pazjenti li jitilgħu għall-kura barra minn Malta

Aqra wkoll

Il-Karl Vella Foundation, b’kollaborazzjoni mat-Treatment Abroad Unit, nediet żewġ kotba ta’ gwida għall-pazjenti li jkollhom bżonn jirċievu kura barra minn Malta u għall-familji tagħhom. Dawn il-pubblikazzjonijiet jiġbru informazzjoni prattika u dettalji dwar is-servizzi ta’ appoġġ disponibbli, sabiex il-pazjenti u qrabathom ikunu jistgħu jħejju ruħhom aħjar għal dan il-perjodu diffiċli. 

It-tnedija saret mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia u l-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja Michael Falzon.

Din l-inizjattiva tgħaqqad l-esperjenza tas-settur tal-volontarjat ma’ dik tas-servizz pubbliku tas-saħħa. Il-ħtieġa li persuna tivvjaġġa għall-kura tista’ ġġib magħha sfidi emozzjonali, psikoloġiċi, prattiċi u soċjali, kemm għall-pazjent kif ukoll għal min jakkumpanjah u għall-familjari li jibqgħu Malta. Il-gwidi jindirizzaw dawn ir-realtajiet billi jgħinu lill-familji jifhmu x’għandhom jistennew, lil min jistgħu jikkuntattjaw u fejn jistgħu jfittxu l-għajnuna.

Permezz tas-servizz Because You Matter, il-Karl Vella Foundation toffri appoġġ psikoloġiku u emozzjonali mingħajr ħlas lill-pazjenti, lid-donaturi u lil dawk li jieħdu ħsiebhom waqt il-vjaġġ tagħhom għall-kura barra minn Malta. Dan l-appoġġ jestendi wkoll għall-familjari li jibqgħu Malta u jkompli wara li l-pazjent jirritorna f’pajjiżna.

Il-gwida dwar ir-Renju Unit, fost oħrajn, tinkludi informazzjoni dwar it-Treatment Abroad Unit, il-Kummissjoni Għolja ta’ Malta, għaqdiet mhux governattivi u appoġġ pastorali, flimkien ma’ tagħrif prattiku dwar l-akkomodazzjoni u servizzi oħra. Il-pubblikazzjonijiet jagħtu wkoll spazju lill-esperjenzi ta’ familji li diġà għaddew minn dan il-vjaġġ, b’suġġerimenti prattiċi u messaġġi li jistgħu jgħinu lill-oħrajn.

Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg qal, “Meta nitkellmu dwar il-kura, ħafna drabi l-ewwel ħsieb tagħna jmur fuq il-kura medika disponibbli. Bħala Gvern, se nkomplu naħdmu biex niżguraw aċċess għall-aqwa kura possibbli, kemm f’Malta kif ukoll barra minn pajjiżna. Iżda l-kura tmur lil hinn mill-aspett mediku. L-attenzjoni personali, is-serħan il-moħħ u l-appoġġ li jingħataw il-pazjenti u l-familji tagħhom huma daqstant importanti. Hemm xi ħaġa tassew sabiħa meta tara għaqdiet u entitajiet Maltin, kemm governattivi kif ukoll mhux governattivi, jingħaqdu flimkien biex ikunu ta’ sostenn f’mumenti daqshekk diffiċli. Din il-ħidma flimkien tirrifletti s-solidarjetà li tiddistingwi lill-poplu tagħna u, fuq kollox, tgħin biex l-ebda persuna ma’ tħossha weħidha f’dan il-vjaġġ”

Min-naħa tagħha, il-Ministru Julia Farrugia spjegat kif “il-ħidma tal-Karl Vella Foundation turi kemm il-volontarjat jista’ jkun qrib in-nies fil-mumenti meta jkunu l-aktar jeħtieġu l-għajnuna. Għalhekk, bħala Ministeru qed nagħtu appoġġ finanzjarju biex dan il-proġett isir realtà u jwassal għajnuna prattika lill-pazjenti u lill-familji tagħhom. L-esperjenza ta’ min diġà għadda minn dan il-vjaġġ għandha valur kbir għal familji li jkunu qed jiffaċċjawh għall-ewwel darba. Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, dik l-esperjenza qed tinbidel f’informazzjoni u appoġġ aċċessibbli li jistgħu jagħmlu differenza f’perjodu diffiċli f’ħajjithom.”


Il-Ministru Michael Falzon faħħar il-ħidma li titwettaq minn għaqdiet li verament jinteressahom mill-benesseri tan-nies, speċjalment dawk li jkunu qed jiffaċċjaw sfidi kawża ta’ mard. “Li noffru għajnuna, tama u sapport reali jagħmel differenza kbira, kemm għall-pazjent kif ukoll għall-familjari li jsiefru miegħu. Din hi s-soċjetà li rridu ngħixu fiha,” tenna l-Ministru Michael Falzon.

Claire Chircop, f’isem il-Fondazzjoni Karl Vella, qalet “Meta persuna jkollha bżonn tivvjaġġa barra minn Malta għal kura medika, l-impatt ma jinħassx biss mill-pazjent, iżda mill-familja kollha. Fil-Fondazzjoni Karl Vella nifhmu li dan il-vjaġġ iġib miegħu mhux biss sfidi mediċi, iżda wkoll diffikultajiet emozzjonali, psikoloġiċi u prattiċi. Dawn il-ktejjeb tħejjew bil-għan li jipprovdu lill-pazjenti u lill-familji tagħhom informazzjoni ċara, aċċessibbli u gwida prattika, sabiex ikunu jistgħu jħossuhom aktar preparati u sostnuti matul dan il-proċess. Billi jiġbru f’post wieħed informazzjoni essenzjali, servizzi disponibbli u sorsi ta’ appoġġ emozzjonali, nittamaw li nnaqqsu ftit mill-inċertezza li jgħaddu minnha l-familji f’dawn il-mumenti diffiċli. Fuq kollox, din l-inizjattiva tirrifletti l-impenn tagħna li niżguraw li l-pazjenti u l-għeżież tagħhom ikunu jafu li mhumiex waħedhom, u li hemm appoġġ disponibbli għalihom qabel, waqt u wara l-kura barra minn Malta.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport