Friday, October 16, 2026
Home Internazzjonali Iżraeljani taw in-nar lil moskea fix-Xatt tal-Punent okkupat

Iżraeljani taw in-nar lil moskea fix-Xatt tal-Punent okkupat

0
44

Settlers Iżraeljani taw in-nar lil moskea u kitbu graffiti insolenti fuq il-ħitan ta’ barra tagħha nhar l-Erbgħa, fir-raħal ta’ Mikhmas fix-Xatt tal-Punent okkupat. Dan ġie rrappurtat minn sorsi Palestinjani u mill-militar Iżraeljan.

Residenti Palestinjani ta’ Mikhmas li jgħixu madwar 50 metru ’l bogħod mill-moskea, qalu lill-aġenzija AFP li ftit wara nofsillejl tal-Erbgħa semgħu ħoss qawwi ta’ ħġieġ jitkisser. 

Il-militar ta’ Iżrael bagħat suldati fil-villaġġ wara rapport dwar kitba fuq il-ħitan u ħruq intenzjonat fil-moskea, kif ukoll ħsara fuq vettura. Filwaqt li ma ġie identifikat l-ebda suspettat, il-militar fetaħ investigazzjoni.

Filmati mxandra mill-aġenzija AFP urew li n-nar ħaraq it-twapet ta’ ġewwa tal-moskea u mela l-ħitan bin-nugrufun. Ġrnalist tal-aġenzija rrapporta ukoll li mal-ħitan ta’ barra inkitbu slogans bl-Ebrajk, fosthom il-kliem “il-fatt li aħna siekta ma jfissirx li aħna reqdin”.

Fl-aħħar ġimgħat, ir-residenti tal-villaġġ organizzaw rondi ta’ billejl minħabba l-biża’ li s-settlers Iżraeljani jagħtu n-nar lid-djar tar-residenti, speċjalment dawk li jinsabu fit-tarf tal-villaġġ.

Il-villaġġ ta’ Mikhmas jinsab fiċ-ċentru tax-Xatt tal-Punent, bejn Ramallah u Ġrusalemm, qrib diversi postijiet avvanzati ta’ insedjamenti Iżraeljani li r-residenti tagħhom attakkaw lill-komunità f’diversi okkażjonijiet matul ix-xhur li għaddew.

Rouhi Fattouh, il-President tal-Kunsill Nazzjonali Palestinjan, iddeskriva l-attakk bin-nar intenzjonat fuq il-moskea bħala att barbaru u eskalazzjoni perikoluża fit-terroriżmu tas-settlers. Il-Kunsill Nazzjonali Palestinjan iservi bħala l-parlament tal-Organizzazzjoni għall-Ħelsien tal-Palestina.

Il-vjolenza mwettqa minn settlers kontra l-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent żdiedet drastikament matul ix-xhur li għaddew. L-attakki mis-settlers kienu jinkludu aggressjonijiet fiżiċi, serq ta’ art u uċuħ tar-raba’, kif ukoll vandaliżmu fuq postijiet ta’ qima, djar u bini ieħor.

Minbarra Ġrusalemm tal-Lvant, fix-Xatt tal-Punent jgħixu madwar tliet miljun Palestinjan – f’territorju li Iżrael ilu jokkupa mill-1967 – flimkien ma’ aktar minn 500,000 Iżraeljan li jgħixu f’insedjamenti meqjusa illegali skont il-liġi internazzjonali.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here