Friday, October 16, 2026
Home Internazzjonali Tliet itfal u għalliem inqatlu fi sparatura fi skola primarja fl-Istati Uniti

Tliet itfal u għalliem inqatlu fi sparatura fi skola primarja fl-Istati Uniti

0
62

Żagħżugħ ta’ 16-il sena spara u qatel tliet itfal u għalliem fi skola primarja fl-istat Amerikan ta’ Oregon, qabel ma hu stess inqatel minn persuna li kienet fil-viċin. Is-suspettat aggressur, li ismu għadu ma ġiex żvelat, daħal bil-forza fl-Iskola Primarja Silver Rail fil-belt ta’ Bend nhar il-Ħamis wara nofsinhar, u beda jispara fuq bibien imsakkra. 

It-tliet itfal li nqatlu kellhom ħames, tmienja u 11-il sena. Tifel ieħor ta’ seba’ snin u għalliem ta’ 54 sena ttieħdu l-isptar f’kundizzjoni kritika. Għadu mhux ċar jekk l-aggressur kellux xi konnessjoni mal-iskola.

L-ogħla uffiċjal amministrattiv tad-distrett skolastiku lokali, Steven Cook esprima niket tal-kommunita tal-belt u qal li kulħadd kien ixxukjat bit-traġedja li seħħet. Huwa stqarr li m’hemmx kliem li jista’ jesprimi kif xieraq in-niket li qed tesperjenza l-komunità fil-belt ta’ Bend.

Il-pulizija qalet fi stqarrija li l-aggressur kien żagħżugħ lokali ta’ 16-il sena, iżda ma tatx aktar dettalji dwaru jew dwar l-identità tal-vittmi.

Il-Pulizija ta’ Bend ġew infurmati li persuna armata kienet qed tispara fl-iskola primarja Silver Rail, f’nofsinhar ħin lokali. L-ewwel rapport kien permezz ta’ telefonata li saret minn persuna li qalet li suspettat mhux magħruf kien qed jispara fuq il-karozza tagħha b’arma tan-nar.

Ftit minuti wara, iċ-ċentru tal-emerġenzi tal-kontea rċieva telefonati fuq in-numru 911 li rrappurtaw li żagħżugħ armat kien daħal fl-iskola. Il-pulizija qalu li fl-iskola, huwa spara fuq is-serraturi tal-bibien sabiex seta jidħol.

Skont rapporti fil-midja lokali, l-iskola kienet installat bibien ġodda għall-klassijiet fl-2022, li jistgħu jissakkru sempliċiment billi jitħaddem swiċċ.

L-aggressur kien konfermat mejjet mill-uffiċjali tal-pulizija tal-belt ta’ Bend li waslu fuq il-post ftit minuti wara li seħħet it-traġedja. Bkonsegwenza ta’ din l-isparatura, l-iskejjel kollha f’Bend inzammu magħluqin nhar il-Ġmgħa.

Il-pulizija qalet li madwar 450 tifel u tifla jattendu l-Iskola Primarja Silver Rail, li fiha hemm aktar minn 40 membru tal-istaff.

Skont il-K-12 School Shooting Database, is-sena l-oħra kien hemm 235 inċident ta’ sparaturi fi skejjel Amerikani, u s’issa, din is-sena kien hemm tal-inqas 140 inċident bħal dawn.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here