Tuesday, April 30, 2024

“Inkjesta Maġisterjali mhix ‘Fishing Expedition’”

Imħallef f’sentenza

Aqra wkoll

• Sentenza riċenti titfa’ dawl fuq l-irwol ta’ inkjesta maġisterjali

• Dikjarazzjonijiet tal-Qorti jxejnu ‘statements’ ta’ Repubblika

Il-Qorti Kriminali għamlet osservazzjonijiet b’saħħithom ħafna dwar x’inhu l-irwol ta’ inkjesta maġisterjali u filwaqt li saħqet kif primarjament dan hu proċess ta’ ġbir ta’ provi. Insistiet li inkjesta maġisterjali m’għandha qatt tispiċċa “fishing expedition.” 

It-talba għal inkjesta privata saret mill-familja ta’ konsulent mediku li miet fis-sajf li għadda u li ppretendiet li ssir inkjesta maġisterjali dwar din il-mewt. Il-Magistrat Inkwirenti irrifjuta li jibda l-inkjesta u f’appell li sar quddiemha, il-Qorti Kriminali rrifjutat ukoll din it-talba filwaqt li biex waslet għall-konklużjoni tagħha, tefgħet dawl dwar l-irwol tal-inkjesti maġisterjali mitluba miċ-ċittadin privat.

Fil-mument it-terminu ‘inkjesta maġisterjali’ qed jintuża ħafna fin-narrattiva pubblika wara li fl-aħħar snin attivisti qrib il-Partit tal-Oppożizzjoni użawha regolarment biex marru bl-allegazzjonijiet tagħhom. Riċentament qamet diskussjoni wara li meta mistoqsi, il-Prim Ministru kkummenta wkoll dwar ċertu dewmien u l-irwol li għandu jkollha inkjesta maġisterjali.

Issa, minn din is-sentenza tal-Qorti Kriminali, irriżulta li dan l-irwol tkellem ukoll dwaru l-eks Ministru Tonio Borg meta bħala Ministru imbotta din il-bidla li ċittadin seta’ jmur għand il-Maġistrat. Dakinhar Borg kien insista li ma setax ikun hemm persuna suspettata li ma tingħatax id-dritt li tagħmel risposta. Fil-fatt, fis-sentenza tal-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ntqal li Borg kien iddikjara li “Il-Maġistrat għandu jordna li r-rapport, id-denunzja jew il-kwerela, skont ma jkun il-każ, jiġi notifikat lill-persuna suspettata filwaqt li jagħtiha żmien għal risposta u wara li jgħaddi dak iż-żmien, il-Maġistrat għandu jiddeċiedi jagħmilx l-aċċess.”

Din hi dikjarazzjoni li titfa’ dubji dwar il-proċess li qed ikun hemm fl-inkjesta tal-Vitals fejn minkejja li saret anke tfittixija fid-dar ta’ eks Prim Ministru, minn dak magħruf pubblikament l-inkjesta qed tieħu stil differenti ħafna minn dak maħsub mil-leġiżlatur jew saħansitra mil-liġi, hekk kif il-Qorti Superjuri għamlet osservazzjonijiet oħra.

Fil-każ Megally, il-Qorti nnotat kif l-eks Ministru Borg kien tkellem dwar kif kellu jkun hemm sistemi li ma jagħtux lok għal abbuż. L-Imħallef Scerri Herrera rreferiet għal sentenzi oħra tal-Qrati li ngħataw qabel u li jitfgħu dawl fuq x’għandu jkun l-irwol tal-inkjesta maġisterjali u hawn għamlet ukoll l-osservazzjonijiet tagħha fis-sentenza mogħtija ftit tal-jiem ilu.

“Din il-Qorti sejra tgħaddi issa sabiex tgħid kelmtejn dwar l-ingenere li jista’ jiġi deskritt bħala proċess ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ provi li jinġabru wara li ssir notitia criminis. L-investigazzjoni li jagħmel il-Maġistrat hija dik tal-provi miġbura sabiex minnhom jiġi stabbilit b’mod ċar jekk ir-reat denunzjat jew kwerelat ikunx verament seħħ. Madankollu, l-inkjesta dwar l-in genere fis-sens tal-Artikolu 546 tal-Kodiċi Kriminali ma kinitx intiża biex jiġi stabbilit jekk ikunx sar reat”, tgħid l-Imħallef fil-każ Megally. B’hekk l-interpretazzjoni tal-Qorti dwar l-irwol ta’ inkjesta qed tvarja bil-kbir minn dik li qed jippruvaw jagħtu l-impressjoni l-uffiċjali ta’ Repubblika.

Fil-fatt, f’sentenza oħra tal-Qrati, il-Kummissarju tal-Pulizija George Grech vs Id-Direttur Ġenerali et, ingħad li “Bażikament l-inkjesta tal-Maġistrat hi intiża għall-preservazzjoni tal-provi u hu b’mod eċċezzjonali illi l-Maġistrat jeżerċita l-poter tiegħu taħt l-artikolu 554 (1) tal-Kodiċi u jordna l-arrest.”

Iktar minn hekk intqal “l-inkjesta Maġisterjali b’ebda mod ma tista’ tkun kunsidrata bħala “a trial” iżda kostatazzjoni ta’ fatti, għalkemm il-Maġistrat spiss jesprimi opinjoni prima facie dwar jekk għandhomx jittieħdu proċeduri fil-konfront ta’ persuna jew persuni in konnessjoni ma’ xi reat. Jingħad ukoll b’mod ċar li “dak li qed jiġi indagat u investigat fl-inkjesta hu l-veraċità tal-allegazzjonijiet li setgħu saru fil-konfront tar-rikorrent u biex jiġi determinat jekk hemmx traċċi jew elementi ta’ xi reat li għalih xi persuna (jista’ jkun kemm ir-rikorrent kif ukoll xi persuna oħra inkluż min għamel l-allegazzjonijiet) tista’ tkun mitluba tirrispondi għalihom. Fl-inkjesta ma ssir qatt aġġudikazzjoni dwar il-ħtija o meno ta’ xi indagat. Dan kollu jwassal għall-fatt li inkjesta jew investigazzjoni mhix ekwivalenti għal akkuża jew proċess kriminali – ossija f’dak l-istadju ma jkunx hemm persuna akkużata b’reat kriminali kif jitlob l-artikolu 39 tal-Kostituzzjoni jew l-artikolu 6 tal-Konvenzjoni.’

Però l-Imħallef Scerri Herrera għamlet osservazzjonijiet oħra, fosthom kif il-liġi hi ċara daqs il-kristall li l-persuna li tagħmel ir-rapport tagħha trid fost rekwiżiti oħra tindika min hi l-persuna suspettata u kien hawn li ddikjarat li m’għandhiex issir allegazzjoni u l-Qorti tinbidel f’dik li hi ‘fishing expedition’.

Sport