Tuesday, May 21, 2024

“Għandna it-tama … għinuna noffru kura lil Thiago”

Tifel b'kundizzjoni rari għandu bżonn €3 miljun biex issirlu operazzjoni

Aqra wkoll

Għad għandu tliet snin. Jinsab riesaq biex jagħlaq l-4 snin. U f’dik l-età ħafna tfal ikollhom il-ħolm tagħhom, il-logħob ma’ sħabhom, l-iskola u oħrajn. Għal Thiago imma ir-realtà hi differenti. Sar magħruf li jbati minn kundizzjoni rari magħrufa bħala Duchenne Muscular Dystrophy. 

Il-ġenituri ta’ Thiago permezz tal-media soċjali bdew kampanja intensiva biex jiġbru biżżejjed flus bit-tama li jkunu jistgħu joffrulu l-aqwa kura possibbli. 

Din il-kundizzjoni taffettwa lil persuna minn kull 5,000, tikkawża t-telf tas-saħħa u tal-muskoli fil-ġisem b’mod progressiv, bil-konsegwenza li l-persuna tibda titlef diversi funzjonijiet minn ġisimha, fosthom l-abbilt li timxi u tikkontrolla idejha.

Quddiem din l-isfida hemm ukoll it-tama u dan għax fl-Istati Uniti beda jingħata trattament għal din il-kundizzjoni, b’operazzjoni li tista’ twassal biex titwaqqaf għalkollox il-progressjoni tal-kundizzjoni u b’hekk dawk affettwati jistgħu jgħixu ħajja normali.

Il-problema hi din l-operazzjoni u t-trattament għadhom fil-bidu u kien biss riċentament li ġew approvati fl-Istati Uniti. L-ispiża ta’ din l-operazzjoni titla’ għal madwar €3 miljun. 

“B’dieqa f’qalbna, dan hu l-prezz għal ħajjet ibni ż-żgħir”, iddikjarat ommu Lorraine waqt li bdiet il-kampanja ta’ għajnuna għal kura għal binda.

Il-ġenituri tiegħu se jagħmlu dak kollu possibbli biex dan it-tifel jingħata ċans ieħor ta’ ħajja. Min jixtieq jgħin lill-familja jista’ jgħaddi donazzjoni permezz ta’ Revolut fuq 7722 2080, waqt li fil-jiem li ġejjin se jinħolqu wkoll kontijiet bankarji apposta.

Sport