Sunday, November 24, 2024

Inkomplu nsaħħu l-qasam tal-Gvern Lokali – Imfassal taħriġ li se jkun qed jingħata lill-membri eletti u amministrattivi tal-Kunsilli Lokali

Aqra wkoll

F’konferenza mtella’ mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli ħabbret li wara li sar ‘Training Needs Analysis’ tal-qasam tal-Gvern Lokali, ġie imfassal taħriġ li se jkun qiegħed jingħata lill-membri eletti u amministrattivi tal-Kunsilli Lokali, bħal Sindki, Viċi Sindki, Kunsilliera u Segretarji Eżekuttivi, sabiex ikompli jissaħħaħ dan il-qasam.

It-taħriġ kontinwu għall-membri eletti u amministrattivi, li jkun jirrelata direttament mal-irwol tal-individwu, huwa propju għan ewlieni fil-Viżjoni Strateġika Nazzjonali għall-Gvern Lokali.

Is-Segretarju Parlamentari kompliet tispjega li permezz tat-Training Needs Analysis ġew identifikati ċertu ħiliet u għarfien li hemm bżonn aktar taħriġ dwarhom u b’hekk ġie imfassal taħriġ li ser jgħin lil min jattendi fil-ħidma tagħhom fi ħdan il-Kunsilli Lokali. Hija saħqet li dan it-taħriġ, filwaqt li ser ikompli jikkumplimenta u jtejjeb il-ħiliet tal-ħaddiema, ser ikompli jgħolli l-livell tas-servizz li jingħata mill-Kunsilli Lokali.

“It-tħaddim ta’ prinċipji ta’ governanza tajba m’humiex biss importanti għall-membri tal-kunsilli lokali sabiex ikunu ta’ għajnuna fit-tmexxija tal-kunsilli u fil-ħidma tal-lokalitajiet, iżda finalment issarrfu f’kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti fil-lokalitajiet tagħna,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli, filwaqt li awgurat li dan it-taħriġ jkun ta’ għodda għal dawk kollha fit-tmexxija tal-Kunsilli Lokali u Reġjonali.

Din il-konferenza ġiet indirizzata wkoll mis-Sur Robert Tabone u d-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Kunsilli Lokali, Emil Vassallo.

Sport