Sunday, December 29, 2024

“Inkoraġġiment biex in-nies jagħżlu mobilità aktar attiva”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia ħabbar li għall-ħames snin li ġejjin, Infrastructure Malta se tkun qiegħda tinvesti €35 miljun biex pajjiżna jkollu għall-ewwel darba network ta’ rotot iddedikati għar-roti li jgħaqqdu lil pajjiżna. Dan flimkien ma’ strateġija nazzjonali għaċ-ċikliżmu moderna li se tiġi ffinalizzata mal-istakeholders involuti f’dan is-settur. 

Il-Ministru Farrugia ħabbar dan wara li laqa’ l-istedina tal-grupp Bulletproof għal dawra magħhom bir-roti fejn kellu l-opportunità wkoll li jisma’ x’kellhom xi jgħidu ċ-ċiklisti u d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom ta’ kuljum. 

B’rabta ma’ dan il-proġett, talk.mt ħadet il-kummenti tal-Ministru Farrugia fejn qalilna li l-Gvern se jkompli jinvesti f’infrastruttura li tinkoraġġixxi n-nies jagħżlu mobilità iktar attiva. 

Huwa spjega li dan se jkun qed isir b’investiment ta’ madwar €35 miljun fuq medda ta’ madwar ħames snin, liema investiment se jinkludi identifikazzjoni ta’ rotot ta’ bankini u infrastruttura għaċ-ċiklisti biex dawn ikunu aktar kontinwi, diretti u fuq kollox aktar siguri.

Il-Ministru Farrugia kompla jispjega li x-xogħlijiet se jvarjaw minn irrangar u twessigħ ta’ bankini eżistenti, titjib fil-pedestrian crossings, implimentazzjoni ta’ cycling infrastructure u inkorporazzjoni ta’ infrastruttura li tikkumplimenta l-użu tat-trasport pubbliku.  

“Kollettivament, dawn l-interventi se jkunu qegħdin jgħinu biex inkomplu nersqu lejn sistema tat-trasport li tintegra ġo fiha d-diversi modi ta’ mobilità u għalhekk inkomplu ntejbu l-esperjenza urbana għal min juża t-toroq bil-pass jew b’forom oħra ta’ mobilità attiva.”

Infrastructure Malta se tkun tippreżenta pjanijiet aktar dettaljati, wara żvilupp ulterjuri ta’ dan il-kunċett u l-konsultazzjoni mal-istakeholders kollha involuti. 

Ekonomija

Sport