Sunday, November 24, 2024

“Inkwetata li fl-isfond tal-progress li sar hemm vuċijiet li qed jiżirgħu l-mibegħda”

... il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Helena Dalli

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Malta tal-lum pajjiż mibdul. Kburi u kuntent li qed jospita l-EuroPride. Madankollu, inkwetata li fl-isfond ta’ dan il-progress hemm vuċijiet li qed jiżirgħu l-mibegħda. U dan deher tajjeb fuq il-midja soċjali fl-aħħar xhur. Għalhekk irridu naħdmu aktar sabiex l-imħababba tirbaħ kontra l-mibegħda.”

Iddikjarat dan il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Helena Dalli f’diskors li għamlet waqt il-ftuħ tal-EuroPride Valletta 2023 fejn enfasizzat li rridu mill-ġdid nieħdu azzjoni flimkien sabiex l-ugwaljanza nipproteġuha.

Hija qalet li fi żmien relattivament qasir, stajna naraw persuni LGBTIQ+ li kienu esklużi, jiffjorixxu fil-ħajja privata u professjonali tagħhom. Dan kien rikonoxxut fuq livell internazzjonali b’unur għall-poplu kollu għax il-bidla ksibnieha flimkien.
Dr Dalli fakkret li ħadd ma jagħżel kif jitwieled u li kulħadd għandu dritt jgħix ħajja ta’ nies, titwieled kif titwieled. Żiedet tgħid li l-ewwel każ LGBTIQ+ magħruf li daħal fil-Qrati tagħna ma seħħx ftit snin ilu. Imma fl-1774, kważi 250 sena ilu.
“Roża Mifsud, persuna intersex b’isem ta’ mara minn Ħal Luqa riedet tkun tista’ tgħix ħajjitha ta’ raġel hekk kif kien iħossha. u talbet il-qorti biex tippermetti dan.

Wara l-eżamijiet meħtieġa, Kien il-Gran Mastru nnfisu li kkonfermalu dan id-dritt. Dan jurina kemm il-kwistjoni LGBTIQ mhijiex kwistjoni ta’ moda, għax dawn il-persuni eżistew minn dejjem u ssibhom f’kull soċjetà,” qalet il-Kummissarju Dalli.

“Imma din hija kwistjoni ta’ rispett lejn xulxin. Hemm bżonn investiment fl-edukazzjoni miċ-ċokon u tul il-ħajja għax sakemm tibqa’ l-istigma, l-ugwaljanza tibqa’ biss ħolma”

Helena Dalli

Sport