Thursday, November 21, 2024

Inqas ġudizzju, aktar inklużjoni

Tikteb Noyah Spiteri Hammett- Viċi Sindku u Kandidata Laburista għall-Elezzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla

Aqra wkoll

Kif kulħadd jaf l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali jinsabu wara l-bieb u grazzi għal dan qed ikolli l-opportunità li niltaqa’ ma’ ħafna nies differenti mill-Belt ta’ Bormla, il-Belt li għal dawn l-aħħar tlett elezzjonijiet ikkontestajt għaliha.

Nieħu gost indur in-nies bieb bieb u nisma’ x’għandhom x’jgħiduli u nara ftit aħna bħala kunsill lokali fiex nistgħu ngħinuhom biex anke forsi nagħmluhom ħajjitom ftit aktar faċli.

Insib min jgħid … issa ġiet din għax waslet l-elezzjoni! Però min jafni sew jaf li jien persuna li naħdem is-sena kollha sabiex l-ewwelnett kulħadd ikollu dak li hu bid-dritt tiegħu u t-tieni għax l-interess tal-Belt tagħna huwa għal qalbi ħafna. Sfortunatament, iva, għadha teżisti dik l-istigma li malli ssemmi l-Bormla ħafna jieħdu qatgħa.

Niddejjaq wisq nisma’ kummenti sterjotipiċi li jitfgħu lin-nies ta’ din il-Belt f’keffa waħda. Kull lokalità għandha t-tajjeb u l-ħażin fiha u Bormla mhi xejn inqas u xejn iktar. Nemmen li meta wieħed jikkontesta elezzjoni, hi x’inhi, dan se jkun persuna tan-nies u għalhekk huwa fid-dmir tagħna li nisimgħu u naqdu lil kullħadd u mhux lil dawk biss li huma f’xi ċirku tal-privileġġjati.

Li tkun persuna tan-nies ifisser li trid tisma’ lil kulħadd, hu x’inhu l-livell jew il-grad tiegħu. Jiena persuna li nemmen ħafna fl-edukazzjoni. Għalija din hija l-fundament biex is-soċjetà tagħna timxi dejjem ’il quddiem. Aħna m’aħniex hemm biex niġġudikaw iżda biex inkomplu nedukaw.

Ikun inutli li niġġudika persuna sempliċement mill-aspett fiżiku tagħha, jew għax forsi għandha livell t’edukazzjoni daqsxejn baxx. Billi niġġudikaha minix se ngħinha, għalhekk nistaqsi lili nnifsi… x’nista’ nagħmel biex lil din il-persuna jien ngħinha?

Ġieli sibt min ikkumenta għax rawni ma’ nies bit-tpinġija, jew għax għandhom xi każijiet fil-qorti, iżda jien ngħidilhom, qatt ippruvajtu ssiru tafuha lil dik il-persuna? Xi ħadd ra jekk għandhiex bżonn għajnuna?

Forsi xi ħadd jixtieq jirriforma ruħu u mhux qed isibha faċli… Tafu x’wassalha biex għamlet li għamlet? Sabet lil min jimbuttaha biex temanċipa ruħha fis-soċjetà li qegħdin ngħixu fiha?

Qed nilbsu ż-żarbun ta’ dak it-tifel li qed ikun agressiv l-iskola? X’qed iwasslu biex jagħmel dan? Qed ngħinu biżżejjed lil dik it-tfajla single mother li forsi tixtieq tkompli tistudja? Iva nemmen li meta tgħid tkun tan-nies dan li jfisser!

Sibt min jgħidli, biex tkun politikanta tajba trid timxi xi ftit jew wisq bid-doppja faċċa u tħaddem rasek għax kulħadd hekk jagħmel biex jirnexxi. Imma jiddispjaċini ma naqbel xejn ma’ dan! Jien dejjem emmint fil-ġenwinità tal-individwu … nemmen li bil-falzità ma tasal imkien.

Ma rridx li nidher ħelwa man-nies fi żmien l-elezzjoni sempliċement biex jivvutawli, imma għax minn qalbi nuri interess li fejn nista’ ngħin se ngħin, irrilevanti x’inhi s-sitwazzjoni.

Irrid nara l-iskejjel tal-lokalità ikunu fost l-aktar avvanzati u mhux stigmatizzati għax qegħdin ġo Bormla. Irrid li jsiru aktar attivitajiet edukattivi, bħalma diġà qed isiru ħalli t-tfal tagħna inrawwmuhom fl-edukazzjoni.

Nixtieq li jinfetħu aktar postijiet ta’ kummerċ bħalma kelli x-xorti li nżur dan l-aħħar u vera ħriġt sodisfatta. Permezz t’hekk anke nies tal-lokal jistgħu jinħolqulhom aktar postijiet ta’ mpjieg.

Irrid li jinħolqu iktar inizjattivi fil-lokal bħal korsijiet li jistgħu jkunu t’għajnuna għar-residenti, kif ukoll niffukaw fuq snajja Maltin li forsi hawn min dejjem xtaq jitgħallem u qatt ma kellu l-opportunità.

Forsi nagħtu spinta ikbar lill-għaqdiet sportivi u nkomplu nrawmu lit-tfal tagħna biex jikbru jħobbu u jipparteċipaw f’dak li ilu snin jagħmilna kburin. Ninsab ċerta li għandna potenzjal kbir ġewwa Beltna.

Irrid li nkomplu nkabbru l-imħabba lejn l-annimali permezz t’attivitajiet konnessi magħhom. Nemmen li bl-edukazzjoni biss nistgħu nwaqqgħu dik l-istigma li dejjem iddur madwarna u mill-ġdid nerġa’ nisħaq li biex nirnexxu ma rridux niġġudikaw, imma nedukaw!

Sport