Wara li rebaħ it-tournament tas-Six Reds organizzat mill-EBSA f’Sofia, il-ġimgħa l-oħra, il-player Malti tas-snooker, Aaron Busuttil, żgur li se jibqa’ jiftakar il-kapitali Bulgara, meta lbieraħ fil-Princess Hotel rebaħ unur ieħor li huwa l-Q Tour 2.
Busuttil rebaħ seba’ rounds biex ħareġ rebbieħ li fihom tilef ħames frames biss fejn fit-tieni round, fis-semi-finali u fil-finali rebaħ b’whitewash, 4-0.
Ilbieraħ Busuttil kien involut fil-kwarti-finali fejn iltaqa’ kontra l-Ingliż Riley Powell u għelbu bl-iskor ta’ 4-1 fejn inkluda breaks ta’ 65 u 59 u ieħor tajjeb ta’ 48. Fl-ewwel round Powell kien għeleb lil Joseph Casha 4-2.
Il-logħba Busuttil rebaħha b’dawn il-frames: 77-2 (65), 73-32, 74-38 (59), 42-69 u 86-12 ((48).
Fis-semi-finali Busuttil iltaqa’ kontra Sybren Sokolowski tal-Belġju u għelbu 4-0 fejn ħlief fl-ewwel frame kien kmand assolut tal-logħba.
Busuttil hawnhekk rebaħ 59-46, 67-5 (60), 82-24 u 64-39.
Imbagħad fil-finali Busuttil kellu logħba oħra li reġa’ kien kmand assolut tagħha meta ltaqa’ kontra l-Ingliż ta’ 17-il sena, Edward Jones, u għelbu b’mod komdu fejn qatt ma deher li se jispiċċa fuq in-naħa telliefa.
Hawnhekk il-frames Busuttil rebaħhom hekk: 72-43, 54-20, 76-42 u 69-21.
Ċertament li Aaron Busuttil ħaqqu prosit talli fi spazju ta’ ftit ġranet rebaħ iż-żewġ tournaments.




