Issa li ninsabu fuq l-għatba tas-sena l-ġdida, dan is-sit ħabrek fit-toroq tal-Belt fejn staqsa lin-nies jekk l-ewwel nett jemmnux fir-reżoluzzjonijiet, u jekk għandhomx xi reżoluzzjoni/jiet għas-sena 2023.
Persuna partikolari li qasmet il-ħsieb tagħha ma’ Talk.mt dwar ir-reżoluzzjonijiet qaltilna: “Li jkollok reżoluzzjoni u tkun tajba ma jiddispjaċikx li tesponiha”. Hija enfasizzat dwar is-sinifikat veru li jġib miegħu dan iż-żmien ta’ festi — illi għandna dejjem nippruvaw ngħinu u nkunu sensittivi lejn persuni oħra, irrelevanti mill-karnaġġjon, mit-twemmin politiku u reliġjuż, u mill-istatus soċjali — u li wieħed għandu jħaddan dan l-atteġġjament pożittiv matul is-sena kollha.
Bħal dejjem, huma bosta dawk li qalu li d-dieta hija waħda mir-reżoluzzjoni tagħhom. Dan għaliex ikunu kielu xi daqsxejn ikel u ħelu żejjed matul iż-żmien tal-festi. Ngħiduha kif inhi, l-ikel jinżel għasel għal kulħadd.
Kien hemm oħrajn li qalu illi fis-sena li ġejja jixtiequ jiddedikaw iżjed ħin għal mal-familja, filwaqt li xi persuni oħra jixtiequ jnaqqsu minn xi vizzju, fosthom ix-xorb u s-sigaretti. Ma naqasx ukoll li kien hemm min stqarr li jixtieq jinvesti iktar ħin fl-istudju.
It-tradizzjoni tar-reżoluzzjoni tmur lura għal żmien il-Babilonja fejn fil-bidu ta’ kull sena ġdida kienu jwiegħdu lill-allat li ser jirritornaw l-oġġetti mislufa u jħallsu d-djun tagħhom.
Minkejja dan kollu, għad fadal diversi Maltin u Għawdxin li jiddeċiedu li ma jagħmlux reżoluzzjonijiet. Uħud għaliex qatt ma żammewha u oħrajn għax ma jemmnux fiha.
U hekk kif is-sena 2022 waslet fi tmiemha, nagħtu bidu għal sena ġdida.
Minn qalbna nawguraw l-isbaħ xewqat lis-segwaċi kollha ta’ dan is-sit u nirringrazzjawkom tal-appoġġ li tajtuna matul is-sena.