Waqt l-omelija fil-quddiesa pontifikali ta’ Jum l-Indipendenza l-Arċisqof Charles J. Scicluna appella lill-pubbliku biex “nieħdu ħsieb li nrażżnu l-kliem iebes lejn xulxin u lejn il-barranin, b’mod speċjali fil-kummenti online”.
Fil-KonKattidral ta’ San Ġwann kienu preżenti diversi persuni distinti fosthom il-President tar-Repubblika George Vella, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.
L-Arċisqof irrimarka li s-soċjetà tagħna hija mibnija fuq l-għożża reċiproka imma nsista li din trid tkun ukoll espressjoni ta’ ħniena u ta’ rikonċiljazzjoni mhux biss bejnietna imma wkoll mal-barranin.
Kien hawn li waqt li appella biex waqt din il-pandemija nieħdu ħsieb xulxin u nirrispettaw l-indikazzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa li huwa talab lill-poplu jrażżan ilsienu u kitbietu.
Il-Kap tal-Knisja Maltija tkellem ukoll kontra dak li sejjaħ bħala “ċentraliżmu esaġerat tal-poter f’idejn ftit nies” u waqt li nsista li dan mhux ta’ ġid għas-soċjetà enfasizza wkoll li meta jkun hemm nies li għandhom responsabbilta din tiġi rispettata.
Huwa tkellem ukoll dwar id-dinjità tal-persuna fejn waqt li fakkar kif din toffri qafas għad-drittijiet fundamentali mniżża fil-Kostituzzjoni ta’ Matla ma naqasx milli jsemmi d-dritt għall-ħajja mit-tnissil sat-tmiem naturali.
L-Arċisqof irrefera wkoll għall-ġid komuni u waqt li appella lill-politiċi biex ifittxu li jagħtu servizz lill-poplu u lill-pajjiż u jevitaw il-gwadann personali sostna li governanza tajba dejjem tfittex il-ġid komuni.
Il-faqar kien suġġett ieħor li semma fejn waqt li innota kif fost il-foqra li hawn fostna hemm l-immigranti u r-refuġjati appella lill-pajjiż biex iħares il-vulnerabbli u l-morda u nsista li minbarra l-għajnuna soċjali l-ikbar investiment fin-nies jibqa’ l-edukazzjoni.
Fl-omelija tiegħu l-Arċisqof Scicluna semma wkoll l-ambjent fejn waqt li iddeskriva l-liġijiet li għandna bħala tajbin saħaq li dawn biss mhux biżżejjed u jeħtieġ ikollna l-infurzar tagħhom biex inħarsu l-patrimonju ambjentali.
Fl-omelija Mons Arċisqof Charles Scicluna applika għas-soċjetà Maltija s-seba’ prinċipji ta’ fejqan li l-Papa Franġisku kien semma bħala prinċipji għall-fejqan tad-dinja milquta mill-pandemija.
Governanza li tfittex il-ġid komuni
Mons Charles J. Scicluna applika għal pajjiżna l-ewwel prinċipju li kien semma l-Papa, jiġifieri d-dinjità tal-persuna. Enfasizza li “id-dritt għall-ħajja li jfisser rispett għall-ħajja ta’ kull bniedem mill-bidu tal-eżistenza umana, mit-tnissil, sat-tmiem naturali tagħha” kif ukoll ir-rispett lejn il-kuxjenza ta’ kull individwu. Semma il-prinċipju tal-ġid komuni u ddikjara li dan “jgħallimna li għandna bżonn il-mediċina għal kull tip ta’ egoiżmu li jaf javvelena u jħassar l-għajn safja tal-politika vera.” Huwa qal li l-politika “trid tkun imbiegħda minn kull motivazzjoni ta’ gwadann personali” u li “hemm bżonn li aħna nikbru fis-sens ġenwin tal-Istat li jgħinna niżviluppaw kultura ta’ rispett lejn il-liġijiet u sens ta’ responsabbiltà u ta’ kontabbiltà. B’hekk ikollna governanza tajba li tfittex dejjem il-ġid komuni.”
Il-migranti li jħabtu l-bieb ta’ xtutna
Mons Charles Scicluna. tkellem dwar il-faqar u l-fatt li l-foqra dejjem se jkunu magħna. Spjega li “u spiss ukoll iħabbtu fuq il-bieb ta’ xtutna fil-migranti u fir-refuġjati li jitolbu l-għajnuna tagħna.” Żied jgħid li waqt il-pandemija din hi għażla favur min hu vulnerabbli u marid.
“L-għażla preferenzjali tal-foqra hija mediċina kontra t-tentazzjoni li nħaddnu l-kultura tal-iskart fejn il-persuna tgħodd b’kemm hi b’saħħitha jew b’kemm tista’ tkun utli. Kull persuna għandha valur fiha nfisha għaliex hija maħluqa xbieha ta’ Alla.”
Mons Arċisqof kellu kliem ta’ tifħirr għall-iżviluppi kbar li saru fis-servizzi soċjali f’pajjiżna waqt li fakkar li l-ikbar investiment jibqa’ l-edukazzjoni għax ħafna drabi l-kawża prinċipali tal-faqar hija n-nuqqas ta’ edukazzjoni.
Ma għandhomx jintgħażlu ‘yes men’
Fl-omelija tiegħu, Mons Arċisqof jitkellem dwar il-prinċipju tas-solidarjetà. Iddikjara li l-għożża reċiproka li fuqha hija mibnija s-soċjetà tagħna trid tkun ukoll espressjoni ta’ ħniena u ta’ rikonċiljazzjoni, mhux biss bejnietna imma wkoll mal-barranin. “F’dan iż-żmien tal-pandemija s-solidarjetà nuruha billi nieħdu ħsieb xulxin waqt li nirrispettaw l-indikazzjonijiet tal-Awtoritajiet tas-Saħħa anke jekk dan ikun ifisser sagrifiċċju, qal l-Arċisqof. Semma wkoll il-bżonn li nrażżnu l-kliem iebes lejn xulxin u lejn il-barranin, b’mod speċjali fil-kummenti online.”
Jisħaq li “l-Papa Franġisku jitkellem ukoll dwar il-prinċipju tas-sussidjarjetà li jgħallem li fl-Istat kulħadd għandu rwol importanti u li ċ-ċentraliżmu esaġerat tal-poter f’idejn ftit nies mhuwiex ta’ ġid għas-soċjetà. L-Arċisqof qal li allura għandu jkun hemm nies li għandhom responsabbiltà u li ma jkunux intagħżlu għax huma ‘yes men’ jew għaliex dejjem se jiġbdu l-ħabel tal-poter.”
“Irid ikun hemm rispett lejn l-awtonomija ta’ min iħaddan ir-responsabbiltajiet ċiviċi u fuq kollox nirrispettaw il-kuxjenza tal-individwu. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà jgħin fuq kollox biex kull ċittadin jieħu sehem fit-tmexxija tal-Istat, kulħadd skont ir-rwol tiegħu, imma fuq kollox kulħadd skont il-kuxjenza retta tiegħu.”
Nieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna
Tkellem dwar il-qasam ambjentali u rrefera għaliha bħala id-dar komuni tagħna. Saħaq li mhux biżżejjed li għandna liġijiet ambjentali tajbin ħafna jekk dawn ma jkunux infurzati waqt li appella għal kuxjenza ekoloġika diffuża.
“Il-promozzjoni tal-kwalità tal-ħajja tibda mill-bank tal-iskola jew online, imma tkompli wkoll bl-eżempju li l-Istat jagħti meta jagħmel għażliet importanti, u li l-għażliet tiegħu jkunu favur il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u fl-istess ħin sinjal profetiku li jivvalorizza l-ambjent.”L-Arċisqof saħaq fuq id-dmir li nieħdu ħsieb l-ambjent, nagħrfu s-sbuħija tal-patrimonju ambjentali tagħna u tal-ambjent mibni li ħallewlna missirijietna. Allura, qal l-Arċisqof għandna “nieqfu qabel nagħmlu binja ġdida oħra mingħajr sens ta’ sbuħija jew mingħajr sostenibbiltà.”