Saturday, December 14, 2024

INSAĦĦU L-PRODOTT KULTURALI TAGĦNA

Aqra wkoll

Wieħed mill-iżjed pilastri importanti fil-kalendarju kulturali Malti huwa l-Karnival. Għalkemm fl-aħħar sentejn ma stajniex niċċelebrawh kif konna mdorrijin nagħmlu, minħabba r-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija tal-Covid-19, il-poplu Malti u Għawdxi sa fl-aħħar jista’ jerġa’ jgawdi dan l-avveniment. 

Fil-fatt, mil-lum sal-Ħadd li ġej se jkun qiegħed jittella’ programm sħiħ ta’ attivitajiet fit-toroq ewlenin tal-Belt Valletta b’rabta mal-Karnival. Dan se jinkludi sfilata ta’ installazzjonijiet li kkompetew fi Frar flimkien mar-Re tal-Karnival u l-maskaruni, il-parata u kompetizzjonijiet ta’ żfin fil-Pjazza San Ġorġ. Ma jistax jonqos li jirritorna wkoll il-Karnival tat-Tfal.

Fl-isfond ta’ dan kollu, f’dan iż-żmien partikolari ma nistgħux ma niftakrux fil-ħafna dilettanti li jkunu għamlu xhur sħaħ jaħdmu biex itellgħu avveniment ta’ din il-portata bl-aqwa mod possibbli. Min jaħdem fuq ħaġa u min fuq oħra. Ilkoll jieħdu pjaċir b’dak li qed jagħmlu filwaqt li jżommu f’moħħhom il-wirjiet li se jagħtu lill-udjenzi li se jkollhom quddiemhom.

Konxji mill-fatt li dawn l-aħħar sentejn xejn ma kienu faċli għal dawn id-dilettanti, anke minħabba l-limitazzjonijiet li seta’ kien hemm minħabba l-pandemija, għandna għax nifhmu li t-tlitt ijiem li ġejjin huma importanti ħafna għalihom u jinsabu eċitati biex jiċċelebraw il-Karnival bħas-soltu.

Mill-banda l-oħra, issib min jgħidlek li din l-attività qed tnaqqas mill-popolarità tagħha u li l-pandemija ma tantx għenet anzi kompliet tkisser ħafna minn dak li bnew id-dilettanti. Nemmnu li għandna nkomplu nappoġġjaw attivitajiet bħal dawn u fl-istess ħin ikun hemm aktar inċentiv sabiex iktar nies ikollhom l-opportunità jesprimu t-talenti tagħhom. 

Ma nistgħux ninsew ukoll li l-Karnival jgħin fl-attività ekonomika tal-pajjiż. Benefiċċju ieħor li ma nistgħux inħallu barra relatat mal-preparamenti twal għal dawn il-wirjiet artistiċi huwa l-kontribut li jagħtu għexieren ta’ żgħażagħ li b’dan il-mod ikomplu jitbiegħdu minn vizzji oħrajn.

Għalhekk issa li ninsabu fil-fażi fejn resqin dejjem aktar lejn in-normalità kif konna nafuha qabel, irridu nkomplu nsostnu u nsaħħu l-prodott kulturali u tradizzjonali tagħna li fl-aħħar mill-aħħar jibbenefika minnu l-poplu u l-ekonomija inġenerali.

Ekonomija

Sport