Sunday, May 19, 2024

Tħassib dwar firxa tal-monkeypox hekk kif ikomplu jiżdiedu l-każi fl-Ewropa

Skont l-ECDC l-ewwel każ irrapurtat fl-Ingilterra x'aktarx li kien każ impurtat

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Aġenzija Ewropea għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-mard infettiv (ECDC) qiegħed tixħet iżjed dawl dwar il-marda tal-monkeypox.

Skont l-ECDC l-ewwel każ kien irrappurtat mill-Aġenzija għas-Sigurtà tas-Saħħa fir-Renju Unit (UKHSA) fis-7 ta’ Mejju u huwa maħsub li kien każ importat. Fl-14 ta’ Mejju 2022, ġew identifikati żewġ każijiet oħra fir-Renju Unit, it-tnejn jgħixu fl-istess dar, iżda mingħajr storja reċenti ta’ vjaġġar u l-ebda kuntatt mal-każ irrappurtat qabel. Erba’ każijiet oħra ġew ikkonfermati mill-UKHSA fis-16 ta’ Mejju, anki dawn mingħajr storja ta’ vjaġġar riċenti lejn żoni endemiċi, u ma kinux f’kuntatti tal-każijiet irrappurtati qabel. Il-każijiet kollha rrappurtati fis-16 ta’ Mejju kienu rġiel li jidentifikaw lilhom infushom bħala rġiel li jkollhom x’jaqsmu sesswalment ma’ rġiel oħra (MSM).

Barra minn hekk, fit-18 ta’ Mejju, il-Portugall irrapporta ħames każijiet ta’ monkeypox, u aktar minn 20 każ ieħor suspettat. Spanja rrappurtat dwar tmien każijiet suspettati.

Skont l-ECDC il-Monkeypox hija marda li tinfirex. It-trażmissjoni lill-bnedmin tista’ sseħħ permezz ta’ kuntatt ma’ annimal jew bniedem infettat, jew materjal infettiv li jerħi mill-bniedem stess. It-trasmissjoni bejn il-bnedmin isseħħ l-aktar permezz ta’ qtar respiratorju kbar. Peress li l-qtar ma jistax jasal aktar minn ċertu distanza, huwa meħtieġ li tinżamm id-distanza f’każ ta’ kuntatt wiċċ imb wiċċ biex tonqos il-firxa. Il-virus jista’ jidħol fil-ġisem permezz ta’ fluwidi tal-ġisem, tnixxiegħa ta’ fluwidi minn feriti, jew kuntatt indirett ma’ fluwidi simili f’każ ta’ feriti.

Is-sintomi jinkludu deni, uġigħ ta’ ras, uġigħ fil-muskoli, uġigħ fid-dahar, ponot li ħafna drabi jiffurmaw raxx u għeja fost l-oħrajn. 

Meta l-virus jiżviluppa minn raxx, dan spiss jibda fuq il-wiċċ, u mbagħad jinfirex għal partijiet oħra tal-ġisem inklużi l-ġenitali. Ta’ min jinnota, il-każijiet misjuba reċentement fost l-MSM irrappurtaw preponderanza ta’ leżjonijiet fiż-żona ġenitali. Ir-raxx jgħaddi minn stadji differenti, u jista’ jidher qisu ġidri riħ, qabel fl-aħħar jifforma bħal qoxra, li aktar tard tibda titfarfar. Il-perjodu ta’ inkubazzjoni huwa tipikament bejn sitt ijiem u 16-il jum li jista’ jitwal sa 21 jum. Meta titqaxxar il-ġilda, il-virus ma jibqax infettiv.

Sport