Saturday, May 18, 2024

“Se nkomplu noffru servizzi importanti għal min jiġi bżonnhom” 

Oliver Scicluna, Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport

Aqra wkoll

Fil-bidu ta’ din il-ġimgħa tħabbar li Oliver Scicluna ġie maħtur bħala l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur. Din il-ħatra daħlet fis-seħħ mill-bieraħ.

Oliver Scicluna m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni fejn għandu x’jaqsam il-qasam soċjali minħabba l-esperjenza vasta li għandu.

Oliver Scicluna ilu attivist għal diversi snin fejn nafuh bħala Chairman tal-Kummissjoni Nazzjonali tal-Persuni b’Diżabbilta’. Serva f’diversi entitajiet fosthom l-MCCF, il-Kummissjoni għall-Kummerċjalizzazzjoni tal-Isport, il-Kunsill Malta għas-settur tal-volontarjat, il-Kumitat Azzjoni Soċjeta Ġusta il-FITA u l-NCPE.

Fit-18 ta’ Jannar 2021 hu kien co-opted sabiex ikun membru parlamentari. Scicluna jiddeskrivi din il-ġurnata bħala waħda speċjali għalih. Hu dejjem mexxa ‘l quddiem is-suġġett tad-diżabbilta’ u ħadem sabiex dawn il-persuni jkollhom id-drittijiet tagħhom imħarsa.

Dan is-sit tkellem ma’ Oliver Scicluna nnifsu fejn esprima l-ferħ u s-sodisfazzjon tiegħu għal dan ir-rwol ġdid li ġie fdat bih.

“Għalkemm din hi kariga ġdida għalija, l-esperjenza li kelli fil-qasam tal-persuni b’diżabbilta’ se tkun ta’ xprun għalija sabiex inkompli fuq dak li ħallejt għalkemm issa f’realta’ iktar vasta għalija.”

“Madankollu ħdimt b’mod dirett ma’ diversi persuni li kellhom bżonn l-għajnuna, għext dawn il-mumenti speċjalment meta kont kummissarju għall-persuni b’diżabbilta’. Irregolajt ċerti affarijiet u nħares ‘il quddiem li nkompli ntejjeb l-operat tal-Aġenzija Sapport.”

Scicluna jistqarr li kemm ilu li kien impenjat bil-politika f’dawn l-aħħar xhur, ħass sew in-nuqqas tal-għajnuna lill-persuni f’diffikultà u issa li nħatar f’dan ir-rwol, qed jerġa’ jinsab fil-kamp proprja tiegħu. B’hekk hu wiegħed li se jgħin sabiex il-kwalità tal-ħajja ta’ ċertu nies fis-soċjetà Maltija tkompli titjieb dejjem aktar.

Iżda s-soċjetà Maltija kif inbidlet maż-żmien? Veru li hawn aktar faqar soċjali u forsi ma jidhirx?

“Li hu żgur hu li s-soċjetà kif nafuha llum evolviet ħafna u għalhekk magħha nbidlu ħafna affarijiet. Meta soċjeta’ tipprogressa hu naturali li jkun hemm ukoll xi rigress ukoll. Hemm min jintlaqat tajjeb u min xi ftit ħażin.”

“Nemmen li hemm ħafna sfidi li jridu jiġu indirizzati u għalhekk fl-Aġenzija Sapport se nippruvaw inkomplu noffru servizzi importanti għal min jiġi bżonnhom.”

Oliver Scicluna faħħar l-operat ta’ din l-aġenzija f’dawn l-aħħar snin u fisser li t-tajjeb li sar se jkompli għaddej filwaqt li wieħed jaġġusta fejn hemm bżonn sabiex din l-istess aġenzija tkun dejjem mgħammra bl-aqwa sapport possibbli filwaqt li tpoġġi l-individwu fiċ-ċentru ta’ kollox. 

Tlabna lil Scicluna sabiex jgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk il-persuni li forsi mhux tant għaddejjin minn mumenti daqshekk pożittivi fil-ħajja.

“L-Aġenzija Sapport toffri numru ta’ servizzi u kulħadd jista’ jiġi bżonnhom. Aħna qed niggarantixxu servizz ta’ kwalità għax nemmnu li l-persuna hi ċ-ċentru ta’ kollox.”
“F’dawn l-aħħar 20 sena, din l-aġenzija għamlet avvanzi kbar, rat u assistiet diversi persuni u għalhekk għamlet ħafna ġid. Inħares ‘il quddiem sabiex noffri s-servizzi tiegħi u napprezza ħafna jekk ikolli xi tip ta’ rispons mingħand in-nies biex fejn hemm bżonn intejbu nagħmlu dan bl-aqwa mod possibbli.”

Sport