Saturday, May 4, 2024

“L-aktar li se jintlaqtu huma dawk bi dħul baxx”

Iż-żieda tal-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel fl-Ewropa minħabba l-gwerra fl-Ukrajna

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Wara li għal dawn l-aħħar sentejn l-attenzjoni u l-ħidma kollettiva kienu kkonċentrati fuq il-ġlieda kontra l-pandemija globali tal-Covid-19 u l-irkupru ekonomiku, issa l-komunità internazzjonali għandha sfida oħra minħabba l-gwerra preżenti fl-Ukrajna. Din il-gwerra wasslet f’żieda allarmanti fil-prezzijiet u kulħadd qiegħed iħoss il-but jiħfief. Mis-summit Ewropew tal-Finanzi mill-Istitut Internazzjobali tal-Finanzi (IIF) irriżulta li l-inflazzjoni ġġenerata minn din il-gwerra se tinħass globalment. Dan minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel, bl-aktar li se jintalqtu huma proprju l-persuni bi dħul baxx. Malta, peress li l-inflazzjoni s’issa għadha baxxa minħabba li l-gvern daħal jissussidja ħafna mill-prodotti inkluż tal-enerġija, mhux se tintlaqat daqs pajjiżi oħra fl-Ewropa.

Bil-għan li nifhmu x’inhu jiġri f’din is-sitwazzjoni ta’ kriżi mil-lat ekonomiku Talk.mt tkellem mal-ekonomista Clint Flores li ftit ta’ jiem ilu mar Brussell ħalli jsegwi dak li kien qiegħed jiġi diskuss f’dan is-summit tal-ogħla livell. Huwa tana spjega ta’ x’seħħ u x’intqal ukoll għal dawk li ma setgħux jattendu għalkemm setgħu jsegwu online.

It-tkabbir ekonomiku se jkun inqas minn dak prevvist…

Dan is-summit partikolari kien organizzat f’ħin opportun minħabba l-affarijiet barranin u ġeopolitiċi li għaddejin madwar id-dinja u fost l-oħrajn, kienu diskussi l-previżjonijiet ekonomiċi vis a vis il-gwerra li għaddejja bejn l-Ukrajina u r-Russja. “Dawn il-previżjonijiet kellhom ikunu riveduti ‘l isfel, f’sens li t-tkabbir ekonomiku se jkun inqas minn dak prevvist globalment, ovvjament meta d-dinja bdiet tistenna bil-ħerqa l-irkupru mill-pandemija,” beda jispjega Flores. 

Huwa qal li l-problema tal-inflazzjoni madwar id-dinja li hija kkawżata minn prezzijiet ogħla tal-enerġija u tal-ikel b’konsegwenza li din se twassal biex ikun hemm aktar issikkar min-naħa tal-banek ċentrali madwar id-dinja fejn tidħol is-sistema monetarja. Dan bil-għan li jkunu jistgħu jikkontrollaw l-inflazzjoni.  

“Importanti ħafna li l-gvernijiet jingħataw l-għodda biex itellgħu ‘l fuq u jgħinu lil dawk li qegħdin ikunu l-aktar impattati billi jerħu ftit ir-regoli tal-fiskal”

Clint Flores

Kelliema waqt dan is-summit ipprevedew li l-gwerra se ttawwal u li r-Russi ma jerbħux il-gwerra imma l-Ukrajni se jkollhom problema biex joħorġuhom ‘il barra mit-territorju.  F’dan l-ambitu, jekk il-gwerra se ttawwal, ikun ifisser li ċertu pajjiżi jista’ jkun ukoll li jidħlu f’riċessjoni minħabba l-impatti ekonomiċi li ġejjin mill-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel u l-instabbilità li jxekkel l-investiment privat, speċjalment, jekk il-banek ċentrali madwar id-dinja jgħollu l-interessi. Dan għax il-kapital bżonnjuż li jridu jisselfu kumpaniji fil-privat biex jinvestu se jkun ogħla u għalhekk l-investiment ikun imxekkel u pospost għal snin oħra.  

L-20% fis-soċjetà li għandhom dħul baxx

“Fis-summit kien diskuss ukoll li l-inflazzjoni qiegħda tolqot l-aktar u dan seħħ fi żmien qasir ħafna, lill-faxxa ta’ għoxrin fil-mija li għandhom dħul baxx fis-soċjetà, f’sens li l-impatt fuq il-qliegħ mhux l-istess bejn dawk li jaqilgħu aktar. L-infazzjoni hija rigressiva u ħmistax fil-mija rata ta’ inflazzjoni qiegħda tħalli impatt ta’ għaxra fil-mija fuq dawk li jaqilgħu l-inqas, filwaqt li dawk li jaqilgħu aktar qiegħda taffetwahom biss bi tlieta fil-mija meta teħodha b’mod relattiv fuq il-qliegħ tagħhom,” kompla Flores. 

Għal din ir-raġuni huwa importanti ħafna li l-gvernijiet madwar l-Ewropa jingħataw l-għodda biex itellgħu ‘l fuq u jgħinu lil dawk li qegħdin ikunu l-aktar impattati, billi jerħu ftit ir-regoli tal-fiskal fuq livell Ewropew. Dan biex gvernijiet ikunu jistgħu jintroduċu inizjattivi settorali u soċjali indirizzati lejn il-faxxa tas-soċjetà li qiegħda verament tħoss l-impatt qawwi taż-żieda fir-rata tal-prezzijiet, speċjalment dawk tal-affarjiet bażiċi. Dan jista’ jsir anke b’mod li titnaqqas ir-rata tal-VAT temporanjament, għal kulħadd fuq l-affarijiet bażiċi jew it-taxxa għal dawk li jaqilgħu l-inqas u injezzjonijiet ta’ sussidji oħra biex jagħmlu tajjeb għal din l-inflazzjoni. 

L-impatt fuq l-ambjent minħabba l-użu tal-faħam

Waqt id-diskussjoni kienu diskussi wkoll il-finanzi sostenibbli u dawk relatati mal-klima li qegħdin ikunu mbottati fuq livell Ewropew kemm min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll mill-Bank Ċentrali Ewropew. Dawn jista’ jkun li jkunu affettwati wkoll mill-gwerra li għaddejja bħalissa minħabba l-qtugħ tal-gass mir-Russja lil ċertu pajjiżi Ewropej, għax kellhom jaqilbu wkoll għall-produzzjoni tal-faħam biex jiġġeneraw l-enerġija. 

“Skont it-tbassir Ekonomiku tar-Rebbiegħa li ħarget il-Kummissjoni Ewropea t-Tnejn li għadda, Malta ma ġietx affetwata fejn tidħol inflazzjoni tal-enerġija u paġna 39 tal-istess rapport tgħid li kien hemm disparita fejn Malta kienet affettwata 0% u l-Olanda 70.2%. Però, Malta ġiet affetwata fuq prezzijiet oħra nkluż tal-ikel. Dan għalkemm ir-rata tal-inflazzjoni ta’ Malta se tkun it-tieni waħda l-aktar baxxa fl-Ewropa, filwaqt li Malta se jkollha t-tieni l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea fis-sena 2022 u 2023,” ikkonferma Flores. 

Huwa saħaq li dak li ntqal waqt dan is-summit huwa importanti ħafna għax se jkun qiegħed jaffettwa wkoll l-impatt ekonomiku u finanzjarju madwar id-dinja. “M’għandiex ninsew li issa anke l-Finlandja u l-Iżvezja jridu jissieħbu fin-NATO. Dan il-pass se jwassal għal tensjoni akbar fir-reġjun, fejn ir-Russja diġà bagħtet messaġġ ċar li jekk dan jiġri, se tkun ta’ theddida għas-sigurtà tagħha,” temm bi twissija Clint Flores. 

Sport