Impjegati ta’ Heritage Malta allegatament użaw il-logins personali biex jistampaw biljetti doppji u jdaħħlu l-flus fil-but

Aqra wkoll

Impjegati ta’ Heritage Malta allegatament kienu qed jużaw il-logins personali tagħhom biex jaċċessaw is-sistema tal-biljetti tal-aġenzija, jistampaw biljetti żejda u jżommu għalihom il-flus minn bejgħ li ma kienx qed jiġi rreġistrat kif suppost.

Dan ħareġ waqt seduta fil-Qorti t-Tnejn, fejn instema’ kif f’ċerti każijiet kienu qed jiġu stampati tliet jew erba’ kopji tal-istess biljett, minkejja li s-sistema ma kinitx qed tirrifletti l-istess ammont ta’ bejgħ.

Il-każ jinvolvi erba’ rġiel akkużati li allegatament immanipulaw is-sistema tal-biljetti ta’ Heritage Malta biex jagħmlu qligħ illegali minn fuq dahar l-aġenzija.

L-akkużati huma Ryan Bonnici ta’ 30 sena miż-Żurrieq, Brian Castillo ta’ 52 sena minn Wied il-Għajn, Tonio Cauchi ta’ 53 sena minn Ħal Qormi u Godwin Joseph Zarb ta’ 61 sena minn Bormla.

Huma qed jiffaċċjaw akkużi fosthom użu illegali ta’ sistemi informatiċi, ikkupjar u estrazzjoni mhux awtorizzata ta’ data, manipulazzjoni ta’ informazzjoni elettronika, frodi relatata mal-identità u assoċjazzjoni kriminali.

L-akkużi jinkludu wkoll allegat qligħ illegali għad-detriment ta’ Heritage Malta.

Software suspettuż instab f’żewġ siti biss

Quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi, l-Ispettur Karl Pace mill-Iskwadra tar-Reati Ċibernetiċi spjega li l-investigazzjoni bdiet wara rapport li sar fl-Għassa ta’ Bormla dwar aċċess mhux awtorizzat għas-sistema tal-biljetti ta’ Heritage Malta.

L-investigaturi bdew jissuspettaw li f’ċerti siti kienu qed jiġu stampati aktar biljetti milli effettivament kienu qed jinbiegħu.

Skont l-Ispettur, l-investigazzjoni wasslet biex jinstabu software drivers installati fuq il-printers tal-Forti Sant’Anġlu u l-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta.

Il-Prosekuzzjoni qed tallega li permezz ta’ dawn id-drivers, is-sistema kienet qed tiġi mmanipulata biex jiġu stampati biljetti addizzjonali mingħajr ma l-bejgħ kollu jidher fir-rekords tal-aġenzija.

L-Ispettur xehed ukoll dwar konverżazzjonijiet fuq WhatsApp li nstabu waqt l-investigazzjoni.

Fost dawn kien hemm messaġġi fejn wieħed mill-akkużati allegatament spjega lil ieħor kif seta’ joħroġ aktar biljetti.

Il-Qorti semgħet ukoll dwar messaġġi li fihom Tonio Cauchi allegatament wissa lil Brian Castillo biex joqgħod attent, hekk kif dan kien beda jistampa tliet jew erba’ kopji tal-istess biljett.

Wara li ġew interrogati mill-Pulizija, l-akkużati kienu ngħataw il-police bail.

Biljetti stampati erba’ darbiet

Keith Camilleri, Assistant Manager fis-sezzjoni tal-IT ta’ Heritage Malta, xehed li fil-21 ta’ Mejju rċieva rapport akkumpanjat minn ritratt ta’ żewġ biljetti.

Meta saru l-verifiki fis-sistema, irriżultaw diskrepanzi bejn il-biljetti u t-tranżazzjonijiet li suppost kienu ġew irreġistrati.

Il-Qorti semgħet li l-istess biljetti kienu ġew stampati erba’ darbiet.

Camilleri spjega li saru kontrolli fis-siti kollha ta’ Heritage Malta f’Malta, filwaqt li kollega tiegħu wettaq kontrolli simili f’Għawdex.

Minkejja dan, is-software driver suspettuż instab biss f’żewġ lokalitajiet, il-Forti Sant’Anġlu u l-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija.

Fil-Katakombi ta’ San Pawl fir-Rabat, fejn kien jaħdem Tonio Cauchi, il-printer instab jaħdem b’mod normali u ma ġew identifikati ebda irregolaritajiet simili.

Ix-xhud ikkonferma wkoll li ma kien hemm ebda filmat tas-CCTV li juri lil Cauchi involut fl-allegat aġir.

“Tonio Cauchi kellu jkun xhud, mhux akkużat”

Parti sostanzjali tas-seduta kienet iddedikata għall-kontestazzjoni tal-provi prima facie fil-konfront ta’ Tonio Cauchi, li qed jiġi difiż mill-avukat Arthur Azzopardi.

Fuq din il-kwistjoni, Azzopardi sostna li l-Prosekuzzjoni ma ressqitx biżżejjed provi biex il-proċeduri kriminali kontra l-klijent tiegħu jkomplu.

Huwa rrimarka li Cauchi ma kienx fost il-persuni identifikati fir-rapport oriġinali u lanqas ma kien imsemmi fil-lista li Heritage Malta għaddiet lill-investigaturi.

Barra minn hekk, saħaq li mill-verifiki li saru fil-Katakombi ta’ San Pawl, fejn Cauchi kien impjegat, ma nstabx is-software driver li allegatament kien qed jintuża biex jiġu stampati biljetti doppji.

L-avukat staqsa x’kien hemm, lil hinn mill-konverżazzjonijiet ta’ WhatsApp, li seta’ jorbot direttament lill-klijent tiegħu mal-allegat frodi.

Skont id-Difiża, meta wieħed iqis il-konverżazzjonijiet kollha fil-kuntest tagħhom, ma tirriżulta ebda ammissjoni jew ftehim kriminali min-naħa ta’ Cauchi.

Azzopardi argumenta li l-messaġġi setgħu kellhom valur għall-investigazzjoni, iżda dan ma kienx ifisser li Cauchi kellu jispiċċa akkużat.

Huwa sostna li l-klijent tiegħu kellu jitqies bħala xhud tal-Pulizija, u mhux bħala persuna li kellha titressaq il-Qorti.

Il-Prosekuzzjoni: Il-messaġġi juru li kien jaf x’qed jiġri

Il-Prosekuzzjoni kkontestat l-argumenti tad-Difiża, filwaqt li saħqet li l-każ kontra Cauchi ma kienx limitat għall-allegat użu tas-software fuq il-printers.

Hija fakkret li l-akkużi jinkludu wkoll frodi u assoċjazzjoni kriminali.

Il-Prosekuzzjoni għamlet referenza għal diversi messaġġi bejn l-akkużati li, skontha, juru li Cauchi kien konxju ta’ dak li kien qed jiġri fis-sistema tal-biljetti.

Fosthom semmiet twissijiet dwar il-mod kif kienu qed jiġu stampati l-biljetti u l-biża’ li xi ħadd seta’ jinqabad.

Dwar in-nuqqas ta’ filmati tas-CCTV mill-Katakombi ta’ San Pawl, il-Prosekuzzjoni spjegat li dan kien minħabba li ma kienx hemm cameras installati fis-sit, u mhux għax l-investigaturi naqsu milli jiġbru filmati eżistenti.

Il-Prosekuzzjoni insistiet li fl-istadju tal-provi prima facie, il-Qorti mhijiex mitluba tiddeċiedi jekk l-akkużat huwiex ħati jew le, iżda jekk jeżistux biżżejjed elementi biex il-każ ikompli jiġi investigat u mismugħ.

Għaldaqstant sostniet li kien hemm biżżejjed provi biex il-proċeduri kontra Cauchi jkomplu.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Karl Pace u Chantelle Mifsud, assistiti mill-avukati tal-Avukat Ġenerali Marica Ciantar u Michaela Aquilina.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport