Saturday, May 18, 2024

“Jekk nagħdru, nifhmu u ngħinu, tassew li l-poplu Malti jimxi lejn it-triq sabiħa tal-inklużjoni”

Il-Ministru għall-inklużjoni, organizzazzjonijiet volontarji u drittijiet tal-konsumatur Julia Farrugia Portelli

Aqra wkoll

Matul din il-ġimgħa, Malta laqgħet fi ħdanha numru kbir ta’ atleta barranin li flimkien ma’ dawk Maltin ħadu sehem fi Special Olympics Invitational Games. Kien hemm bosta dixxiplini li ġew organizzati fosthom il-Bocce, it-Table Tennis, l-Għawm, il-Futbol, il-Bowling u l-Atletika.  

Kellna total ta’ 192 midalja mirbuħa mill-atleti Maltin f’dawn id-dixxiplini u bla dubju dan hu fattur ferm pożittiv.

Dawn il-Logħob ġew fit-tmiem meta aktar tard it-Tlieta filgħaxija saret iċ-Ċerimonja tal-Għeluq fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt, bħal ma kien il-każ taċ-Ċerimonja tal-Ftuħ nhar is-Sibt filgħaxija fl-istess post.

Min segwa l-azzjoni kemm fil-postijiet tal-kompetizzjoni kif ukoll fuq it-televiżjoni ma setax ma jammirax lil dawn l-atleti jistinkaw u jifirħu meta jispiċċaw rebbieħa, li kien ifisser li kienu sodisfatti mmens bix-xogħol u l- preparamenti li għamlu qabel biex l-għan tagħhom jirnexxi.

Barra minn hekk, il-messaġġ ta’ inklussività u għarfien deher ferm f’dawn il-jiem b’mod partikolari min qatt ma kien għadu sema’ b’dawn il-logħob.

Talk.mt tkellem mal-Onorevoli Julia Farrugia Portelli, il-Ministru għall-inklużjoni, organizzazzjonijiet volontarji u drittijiet tal-konsumatur dwar dawn il-logħob li ħallew legat kbir f’pajjiżna.

“Bla dubju li Special Olympics Invitational Games 2022 kienu opportunità unika ta’ vuċi inkluż fuq livell internazzjonali għall-atleti tat-23 pajjiż li ħadu sehem”

Julia Farrugia Portelli

“Dan kollu japplika sew mal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda li Malta hi wkoll firmatarja tagħha għall-ugwaljanza u inklussivita’ fejn il-persuni b’diżabbilta jingħataw iċ-ċans jipparteċipaw anke fl-isport.”

Julia Farrugia Portelli niżlet kemm-il darba fil-postijiet fejn kienu qed isiru l-logħob u tat il-midalji lir-rebbieħa. Hi fissret din l-atmosfera bħala waħda ferm pożittiva li ħadet ħafna gost tagħmel parti minnha.

“Pajjiżna eċċella ħafna f’dawn il-logħob iżda mhux biss għax irnexxielna nwasslu l-messaġġ tal-inklussivita’ dejjem aktar u wasal ukoll l-għarfien lis-soċjeta’ Maltija kemm dan kollu hu importanti sabiex ikollna poplu aktar inklussiv.”
Farrugia Portelli faħħret ir-reżiljenza ta’ dawn l-atleti li kull darba li jikkompetu għalihom hi emozzjoni kbira. Hi kienet tafhom kollha peress li f’dawn l-aħħar xhur kienet qed iżżurhom waqt it-taħriġ u l-preparamenti li kienu qed jagħmlu.

Hi fissret kemm l-Aġenzija Sapport flimkien ma’ Special Olympics jaħdmu qatigħ sabiex lil dawn iż-żgħażagħ ituhom opportunitajiet bħal dawn.

“Rajna bidla kbira f’dawn iż-żgħażagħ speċjalment dawk li kienu ġejjin minn realtajiet diffiċli. Rajna l-bidla tagħhom meta bdew jipprattikaw xi sport. Meta rajnihom jieħduh bis-serjeta’ iktar kellna ħeġġa sabiex nagħtuhom l-għajnuna. Wara kollox rajna l-premju l-kbir jasal f’dawn il-jiem hekk kif xi wħud minnhom saħansitra ħadu l-midalja tad-deheb u saħansitra kien hemm min għal waħda rebaħ tnejn!”

Farrugia Portelli kienet preżenti waqt il-logħob tal-bowling u kif kienet hemm l-atleti ħeġġewha sabiex tipprova tagħti sehemha wkoll. Għaliha dan kien mument partikolari hekk kif dawn l-istess atleti kienu tant ferħanin li pparteċipaw u rrappreżentaw lil pajjiżhom.

Il-Ministru għall-Inklużjoni qalet li f’dawn l-aħħar sentejn ġejna mċaħħda minn ħafna affarijiet minħabba l-pandemija inkluż dawn l-atleti li kellhom saħansitra jagħmlu t-taħriġ online biex jibqgħu għaddejjin. Madankollu l-atleti kienu qed iħarsu b’mod emozzjonanti lejn dawn il-logħob u saħansitra għamlu s-sagrifiċċju kollu meħtieġ sabiex ikunu lesti u ppreparati. L-imħabba li wrew lejn l-isport rispettiv tagħhom kienet tidher mal-ewwel.

Julia Farrugia Portelli tkellmet dwar il-fondi li jingħataw mill-gvern lil dawn l-organizzazzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jtejbu l-opera tagħhom.

“Dan l-investiment ma kienx isir minn kull gvern u kien f’dawn l-aħħar snin li bdejna nifhmu li hu importanti li ngħinu lil dawn l-atleti anke meta jmorru barra minn xtutna”

Julia Farrugia Portelli

“Hi xi ħaġa importanti u sabiħa li nibagħtu messaġġ li jservi ta’ pjattaforma sabiex kulħadd jingħata l-ugwaljanza meħtieġa. Dawn l-atleti issa se jmorru f’Berlin fil-Ġermanja s-sena d-dieħla sabiex jieħdu sehem f’edizzjoni oħra tal-Olimpijadi Speċjali u persważi li se jerġgħu jmorru tajjeb.”

Sadanittant il-gvern qed jimplimenta bl-aqwa mod possibbli l-istrateġija nazzjonali li fiha hemm inkluż ukoll il-kunċett ta’ ugwaljanza f’kull saff tas-soċjeta’ Maltija. Kulħadd għandu d-dritt għal diversi opportunitajiet u hawnhekk nixtieq infaħħar il-president ta’ Special Olympics Dr Lydia Abela u anke lid-direttur Anna Calleja li jagħmlu xogħol verament tajjeb fir-rigward ta’ dan l-atleti tant dedikati u bravi.”

Farrugia Portelli semmiet ukoll li mal-atleti hemm ħafna sapport u għajnuna min-naħa tal-ġenituri li apparti li jagħmlu kollox għal uliedhom, ikunu ta’ spalla għal din l-organizzazzjoni sabiex kollox jimxi kif suppost. Wara kollox, kif tgħid hi stess, dawn huma wkoll uliedna li qed jipparteċipaw u jagħmlu unur lil Malta.

Julia Farrugia Portelli xtaqet twassal l-aħħar messaġġ dwar l-importanza tal-inklużjoni fil-ħajja ta’ kuljum u li dan ikompli jinxtered fil-prattika aktar milli bil-kliem biss.

“Importanti li dan il-messaġġ ikompli għaddej sabiex verament inkunu soċjeta’ inklussiva. Irridu niftakru li ħadd ma jaf x’hemm lest għalina fil-futur u persuna taf tiġi bżonn xi servizzi relatati mad-diżabbiltà. Bħalma nafu persuna taf tbigħ is-saħħa iżda ftit taż-żmien wara jkollha problema fiżika u għalhekk tajjeb li nagħtu s-sapport u l-għajnuna lil dawn in-nies. Dawn jafu jkunu l-ġenituri tagħna, nies jiġu minnha, ħbiebna u xi oħrajn.”

“Jekk aħna nagħdru, nifhmu u ngħinu, tassew li l-poplu Malti jimxi lejn it-triq tant sabiħa tal-inklużjoni fejn ħadd ma jibqa’ lura u fejn kulħadd jiġi ttrattat bl-istess mod.”

Sport