Wednesday, April 24, 2024

INSARRFU L-FIDUĊJA F’AKTAR ĦIDMA

Stefan Zrinzo Azzopardi
Stefan Zrinzo Azzopardi
Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali

Aqra wkoll

Aktar ma toqrob l-elezzjoni ġenerali aktar nisimgħu b’surveys li jkunu qed isiru biex tingħata stampa ta’ kif ikun qed jaħsibha l-elettorat Malti f’dak il-mument partikolari. Nistgħu ngħidu li mill-aħħar elezzjoni tal-2017 ‘il hawn, dawn is-surveys ftit li xejn raw ċaqliq f’dawk li huma numri għajr li fl-aħħar xhur bdew juru li l-appoġġ lejn il-Partit Laburista u partikolarment lejn il-Prim Ministru Robert Abela qiegħed ikompli jikber. Saħansitra kellna żewg surveys li nhar il-Ħadd li għadda, it-tnejn li huma taw l-istess distakk ta, 46,000 bejn iż-żewġ partiti.

Is-surveys mingħajr l-ebda dubju jkomplu jqawwu l-qalb ta’ dawk li jappoġġjaw lill-Partit Laburista iżda fl-istess waqt huwa importanti li nżommu f’moħħna li ir-riżultat ta’ elezzjoni jkun determinat bil-vot li kull wieħed u waħda minnha nixħtu dakinhar tal-elezzjoni ġenerali u mhux mis-surveys.

Lil min bħali daħal bl-impenn li jservi permezz tal-politika, dawn ir-riżultati jimlewna wkoll bil-kuraġġ għaliex jekk xejn ikunu qed juruna li l-poplu Malti qed juri l-apprezzament tiegħu għall-ħidma tagħna b’riżq il-pajjiż u l-poplu tagħna. 

Bħala Gvern qegħdin nagħmlu minn kollox biex nilħqu l-aspirazzjoni tan-nies għaliex qegħdin nisimgħuhom kontinwament u ninsabu viċin tagħhom. Fl-aħħar sentejn ħadna ħsieb is-saħħa tal-poplu waqt din il-pandemija li d-dinja qatt ma rat bħalha konna viċin il-Maltin u l-Għawdxin għaliex nafu li għalihom is-saħħa tiġi l-ewwel u qabel kollox. Il-poplu qed jurina li japprezza is-suċċess li ksibna biex ikkontrollajna kemm stajna it-tixrid ta’ din il-marda, kultant anke b’sagrifiċċji minn kulħadd. Iżda bħala gvern konna hemmhekk ngħinu fejn kien hemm bżonn, bil-wage supplements, bil-vouchers biex ngħinu lin-negozji, bis-sussidju fuq id-dawl u l-ilma għall-kumpaniji u negozji. Fuq kollox konna hemm biex laqqamna l-akbar numru possibbli ta’ nies u hekk qegħdin inkomplu nagħmlu biex insaħħu s-saħħa ta’ kulħadd.

In-nies bilfors turi fiduċja meta tara gvern li jwettaq dak kollu li jwiegħed. Minkejja d-diffikultajiet ekonomiċi kbar li ġabet magħha l-pandemija, żammejna kelmitna u komplejna nżidu l-pensjonijiet. Lil dawk l-aktar dgħajfa fis-soċjeta qed intuhom il-wens u s-sostenn li jixirqilhom biex jgħixu ħajja diċenti. Ressaqna fil-Parlament budget li huwa l-aktar wieħed b’element soċjali li qatt tressaq minn kull gvern li kellha Malta fejn dawk l-aktar vulnerabbli fil-pajjiż ġew imwieżna b’benefiċċji soċjali mill-aktar ġenerużi. Ippreżentajna budget li kompla juri t-triq il-quddiem mhux biss biex insaħħu l-qafas soċjali ta’ pajjiżna iżda wkoll biex ikompli jkabbar l-investiment fil-pajjiż ħalli jinqoloq aktar xogħol u nerġgħu nilħqu l-livell ta’ tkabbir fl-ekonomja li konna mdorrijin bih sa ftit tas-snin ilu. B’dan ir-ritmu li issa qbadna hekk kif bdejna nirritornaw għan-normal fil-ħajja ta’ kuljum tagħna rridu nerġgħu insaħħu il-qagħda finanzjarja tal-pajjiż biex dejjem ikunu mħejjija għal dak li jista’ jinqala.

L-apprezzament tal-poplu għall-politika tagħna ġej ukoll mill-fatt li qed jara fil-Partit Laburista forza li kapaċi iġġedded lilna nfisha u mhux tibqa’ mkaħħla mal-politika tal-bieraħ, il-politika tal-kontradizzjonijiet, tat-tgħajjir u tan-negattivita. In-nies qed jindunaw li biex isiru r-riformi u t-tibdiliet għall-aħjar f’dan il-pajjiż, irid ikun Gvern Laburista għaliex għaddejna minn esperjenza ta’ gvern li f’25 sena ħalla kollox staġnat. Qatt daqs l-aħħar sentejn pajjiżna ma ra riformi daqskemm daħħalna fl-aħħar sentejn u t-tiġdid fl-istituzzjonijiet u l-istrutturi kollha tal-pajjiż għadu għaddej u se jibqa’ għaddej. 

Fiż-żmien li ġej, bil-fiduċja tagħkom nistgħu nagħtu l-aħjar tagħna b’risq il-poplu kollu. Aħna min-naħa tagħna ha nkomplu nkunu qrib in-nies ħalli nisimgħuhom u nsarrfu l-fiduċja li jtuna f’aktar xogħol u ħidma b’riżq Malta li rridu għal uliedna.

Sport