Friday, December 13, 2024

“Insensittività li fil-Parlament m’hemm ebda persuna b’diżabbiltà eletta”

Il-Visual Non Visual Network jesiġu li persuni b'diżabbiltà jkunu fil-parlament

Aqra wkoll

“Aħna n-nies tax-xogħol b’diżabbiltà mseħbin fil-VO Visual Non Visual Network Organisation, qed nibagħtu messaġġ ċar lill-poplu Malti li ”inqisu insensittività” fil-konfront tagħna, meta f’din l-akbar Leġiżlatura Parlamentari ma hawnx persuna b’diżabbiltà eletta”.

Il-Visual Non Visual Network tennew li “għalhekk pubblikament qed niddikjaraw, li kif jiftaħ il-Parlament ta’ Malta, se nibagħtu komunikat lill-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati, dwar il-bżonn li l-V.O tagħna tmexxi ‘l quddiem inklużjoni soċjali attiva fil-Parlament matul din l-istess leġiżlatura”.

Saħqu li “nesiġu dan il-bżonn bil-għan aħħari li jinżammu laqgħat f’kull staġun tas-sena fil-Bini tal-Parlament sabiex inkomplu nżommu leħen il-bżonnijiet tagħna fl-ogħla istituzzjoni tad-demokrazija tal-gżejjer tagħna. Ninnutaw ukoll li l-inklużjoni soċjali mxiet ‘l quddiem ħafna. Iżda  niddikjaraw il-bżonn li n-nisa b’ diżabbiltà jkunu parti mill-proporzjon Parlamentari tan-nisa wkoll bla preċedent.”

Saħqu li “b’hekk inrendu sostenn u bilanċ inklussiv quddiem l-isfidi li l-kawża ġusta tal-ħajja ta’ persuni b’diżabiltà ġġib magħha f’pajjiżna”.

Fl-aħħar jiem Talk.mt irrappurtat kif kienet  għadha kif inkitbet ittra lil Servizzi Ewropej Malta, fejn talbet li jkun hemm kampanja ta’ għarfien.

L-ittra tgħid li “l-Visual Non Visual Network Organisation, tixtieq tressaq b’urġenza għall-attenzjoni tal-SEM it-talba tagħha biex torganizza malajr kemm jista’ jkun kampanja ta’ għarfien li l-għan tagħha ikun biex tilħaq kemm lill-amministrazzjonijiet tal-Kunsilli Lokali kif ukoll  it-Taqsimiet tal-Infurzar tal-Liġi f’Malta.”

L-ittra tgħid ukoll li “din il-kampanja ta’ għarfien għandha l-għan li tgħin u tappoġġja lill-komunità ta’ persuni neqsin mid-dawl,  tegħleb esperjenzi ta’ tbatija u perikli bla bżonn li dawn qed jiffaċċjaw  ta’ kuljum prinċipalment ikkawżati mill-insensittività tan-nies u n-nuqqas ta’ prattiki ta’ infurzar. “

Ekonomija

Sport