Saturday, May 4, 2024

“Jippretendu li nibagħtulhom ritratti tagħna bla ħwejjeġ”

Adoloxxenti taqsam esperjenza ta' allegat abbuż minn subien fuq bniet

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Adoloxxenti li xtaqet tibqa’ anonima għal raġunijiet ovvji ta’ riperkussjonijiet minn sħabha daħlitna f’dinja moħbija ta’ allegat abbuż fost minuri f’Malta. L-etajiet inkwistjoni huma ta’ tfal ta’ bejn il-11 u s-16-il sena, ħalib ommhom fi snienhom, li sfaċċatament qegħdin jaqsmu bejniethom ritratti online indiċenti li f’uħud minnhom saħansitra jidhru minuri kompletament għarwenin.

“Kulħadd jitlob dawn it-tip ta’ ritratti u vidjows. Mhux talli hekk, talli s-subien illum il-ġurnata jippretendu li aħna l-bniet nibagħtulhom ritratti tagħna bla ħwejjeġ. Issa saru jitlobuna dawn l-affarijiet bħala kundizzjoni biex inkunu flimkien bħala koppja”. Hekk qaltilna din l-adoloxxenti li speċifikat li dan it-tip ta’ materjal l-aktar li jintbagħat u jinxtered huwa proprju fuq il-pjattaforma popolari “Instagram”. 

Għall-ewwel ħsibna li din se tkellimna dwar każ partikolari ta’ tifla li allegatament anke wasal għand il-Pulizija, iżda jidher li l-problema ta’ ritratti u vidjows espliċiti fost l-adoloxxenti hija ferm aktar mifruxa. F’dan il-każ, l-adoloxxenti qalet li tifel ta’ 12-il sena għal żmien twil kien qiegħed jiffitta tifla iżgħar minnu, li tmur fl-istess skola tiegħu, biex tibagħtlu ritratti tagħha bla ħwejjeġ. “Minħabba li din it-tfajla jogħoġbha dan il-ġuvni, huwa beda juża din l-arma biex jieħu dak li ried minnha fejn anke tagħha x’tifhem li huwa wkoll miġbud lejha u qalilha li jħobbha,” spjegat din it-tfajla. Kien hawn li allegatament il-vittma waqgħet għalih u bagħtietlu vidjow  li fih tidher tiżfen b’mod erotiku, kif ukoll xi ritratti espliċiti tagħha. 

Din l-adoloxxenti, li rat b’għajnejha dan il-vidjow, qaltilna li dan il-materjal online spiċċa jinxtered fost l-istudenti flimkien ma’ allegat vidjow ieħor li fih, l-istess tfajla, jingħad li għamlet mossi sesswali pjuttost estremi għall-età tagħha. “Sfortunament anke dan inxtered. Mhux talli hekk, talli dan il-vidjow intbagħat lill-iskola u ngħata lill-Pulizija. Ma nafx għaliex… għax hekk lil din it-tifla ġietha ħafna agħar”.

“Lili talbuni… imma jien m’iniex stupida”

Din l-adoloxxenti daħlitna f’dinja ta’ taħwid fi skola lokali, iżda mhux biss. Fost l-adoloxxenti din hija xi ħaġa kontinwa u prassi. Hija stqarret li lilha wkoll, għal diversi drabi, talbuha tippoża bla ħwejjeġ u tibgħat ritratti ta’ dan it-tip. Però, żiedet tgħid li, “imma jien m’iniex stupida” u fortunatament, bħalha hemm oħrajn. 

Mistoqsija x’inhi r-reazzjoni meta tirrifjuta li tagħmel dan, din qalet li ħafna drabi s-subien jibdew jeħduha kontriha. Hija spjegat kif meta jkun hemm bniet li jirrifjutaw dan it-tip ta’ komunikat illeċitu, għax hawn qegħdin nitkellmu dwar pornografija ta’ minuri, is-subien imorru fuq tfajliet oħra li lesti li jaqduhom. 

Ħafna drabi r-reazzjoni inizjali għal dan it-tip ta’ rifjut, qalet din l-adoloxxenti, hija persistenza b’dikjarazzjonijiet ta’ mħabba u skużi bħal ‘bżonn li naraw ġisem sabiħ’ u li ‘għandna bżonnhom’. 

Wara, meta tkun ċara li t-tifla mhux se tibgħat ir-ritratti espliċiti mitluba, huwa allegat li s-subien inkwistjoni jirrabjaw u saħansitra jibdew jgħajru lit-tfajla li tgħidilhom le. “Xi drabi anke jippruvaw idawruha li kienet biss ċajta, mentri oħrajn jibdew jirredikolaw lil dik li tkun, kif ukoll ixerdu gideb u għajdut fuqha,” kompliet din l-adoloxxenti. 

Hija qalet li minn informazzjoni li taha tifel stess ħabib tagħha, meta koppja minn dawn l-adoloxxenti tinfired, jibda inkwiet ieħor. Dan minħabba li aktar iva milli le, waħda mill-partijiet tibda xxerred ir-ritratti u l-vidjows tan-naħa l-oħra. Dik magħrufa bħala r-“revenge porn”. 

Mistoqsija jekk l-iskola jedukawhomx dwar ir-revenge porn, din l-adoloxxenti qalet li iva imma tħoss li mhux biżżejjed. “Jgħidulna biex ma nagħmlux ritratti u vidjows ta’ dan it-tip imma ma jispeċifikawx. Dawn is-suġġetti nagħmluhom fil-PSCD imma bil-kemm għandna lezzjonijiet biżżejjed fuq dan is-suġġett. Inħoss li għandna bżonn ta’ aktar tagħrif,” stqarret it-tfajla.

Bħala waħda minn ġenerazzjoni fejn ir-romantiċiżmu klassiku u tradizzjonali spiċċa għal kollox u f’postu daħal l-online dating u ċ-chats, din l-adoloxxenti tħoss li l-innoċenza llum il-ġurnata qiegħda tintilef wisq kmieni. Hija stqarret li jekk qabel forsi tfajla kienet titlef il-verġinità tagħha ta’ 18-il sena, issa l-età medja u meqjusa normali hija ta’ 13-il sena. 

F’din l-età tenera l-adoloxxenti qegħdin diġà jkunu jafu x’inhija d-dinja. Hija żiedet tgħid li, “allaħares tagħlaq is-16-il sena u tkun għadek m’għamiltx sess għax inkella erħilhom jiddieħku bik”. 

“Tip ta’ manipulazzjoni għax jitrattawna bħala oġġett”

Mistoqsija x’taħseb dwar il-mod kif illum il-ġurnata jissieħbu l-koppji ġodda, l-adoloxxenti qalet li, “minħabba li trabbejt f’din l-era, qisni ma nagħtix tant kas imma meta nisma’ r-rakkonti tal-ġenerazzjonijiet ta’ qabli, inħoss li kieku jien nippreferi l-imħabba innoċenti li kellhom qabel. Sbieħ kienu li jingħataw il-fjuri u hekk. Li jagħmlu s-subien lilna hija tip ta’ manipulazzjoni għax jitrattawna bħala oġġett. Ħabiba tiegħi semgħet grupp ta’ subien jaqsmu informazzjoni bejniethom dwar liema tfajla hija faċli biex tibgħat dawn it-tip ta’ ritratti. Dan mhux sewwa,” sostniet din it-tfajla.

Mistoqsija għala taħseb is-subien tal-ġenerazzjoni tagħha qegħdin jinsistu tant li jirċievu dawn ir-ritratti hija qalet li l-vidjows u r-ritratti li jibgħatulhom jew jakkwistaw, jużawhom flok materjal pornografiku. 

L-adoloxxenti qalet li l-ġenituri m’għandhomx idea ta’ x’inhu jiġri fid-dinja ta’ wliedhom u li dan mhuwiex it-tort tagħhom. Hija saħqet fl-importanza li jitkellmu u jgħinu lit-tfal tagħhom, speċjalment lill-bniet meta jinnotawhom kwieti, innervjati jew jibdlu l-espressjoni ta’ wiċċhom waqt jew wara li jkunu fuq il-mowbajl jew online. 

Il-messaġġ tagħha għall-bniet bħalha huwa: “taqgħux f’din il-lixka għax min vera jridkom ma jitolbukomx tesponu ruħkom b’dan il-mod mhux dinjituż u riskjuż li jista’ jispiċċa fl-idejn żbaljati”.

Fatt li ħaddieħor jikkonferma…

Dan is-sit tkellem ma’ tfajla oħra li qaltilna li dan it-talb ta’ ritratti u vidjows senswali huma fatt u li hija wkoll kienet sabet ruħha f’din is-sitwazzjoni meta kienet għadha tmur l-iskola. “Però għalija din ma kinitx daqstant problema għax kont naqbad u ngħidilhom le u daqshekk. Iktar hemm problema fuq il-Facebook. Aħna t-tfajliet din is-sitwazzjoni rridu niffaċċjawha l-ħin kollu sfortunatament,” temmet din it-tfajla.

Ħadna wkoll il-verżjoni tan-naħa l-oħra, jiġifieri ta’ tifel adoloxxenti. Dan ikkonferma li ritratti u vidjows ta’ din it-tip “huma xi ħaġa normali u minn dejjem kienu”. Huwa żied jgħid li minkejja anke xi subien jibagħtu ritratti espliċiti lis-sess oppost, dawn ma jiġux mitluba daqstant biex jagħmlu hekk mill-bniet. Pjuttost, is-subien jaqbdu u jibagħtu minn jheddhom ritratti ta’ dan it-tip lill-bniet li huma interessati fihom. 

Sport