Monday, April 29, 2024

L-ISFIDI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ LI JITILQU KMIENI MILL-ISKOLA

Aqra wkoll

Waħda mill-isfidi kbar li għandu pajjiżna u li fix-xhur li għaddew tkellimna kemm il-darba dwarha hi dik marbuta mal-ammont ta’ żgħażagħ li għal raġuni jew oħra jagħżlu li jitilqu kmieni mis-sistema edukattiva. 

Din hi sfida li fl-aħħar snin bdiet tiġi trattata. Kien hemm ukoll progress għax l-ammont naqsu sew, għalkemm xorta għadhom f’livelli mhux aċċettabli.

Sa ammont ta’ snin ilu ir-rata kienet ta’ aktar minn 25 fil-mija li jitilqu kmieni mis-sistema edukattiva. Illum dan l-ammont naqas u qiegħed għal ftit aktar minn 17 fil-mija.  Dan ifisser li student minn kull sitta f’Malta jitlaq kmieni mis-sistema edukattiva. Din hi rata li għadha għolja wisq u l-bogħod sew mill-medja Ewropea. Filfatt Malta tikklassifika lejn l-aħħar tal-klassifika Ewropea f’dan il-qasam.

Hemm diversi kategoriji ta’ żgħażagħ li jagħżlu li jitilqu kmieni. Hemm dawk li jkollhom seba’ mitt sena biex biex jilħqu is-sittax-il sena jitilqu u jsibu xogħol b’xi wħud minnhom bil-kemm ikunu jafu jiktbu bil-Malti u bl-Ingliż.  Hemm imbagħad dawk li jkomplu l-istadju sekondarju kollu u anke jiksbu ċ-ċertifikati.  Biss għal raġunijiet diversi jagħżlu li ma jkomplu jistudjaw. 

Quddiem dan kollu l-mistoqsija kruċjali hi għandna rata għolja ta’ żgħażagħ Maltin qed jitilqu kmieni, meta r-rata Ewropea hi ferm inqas.  X’inhi r-raġuni vera għaliex iż-żgħażagħ tagħna qed jabbandunaw l-edukazzoni mal-età ta’ sittax-il sena.  X’hemm differenti bejn iż-żgħażagħ Maltin u dawn Ewropej?

Nemmnu li hi s-sistema edukattiva tagħna li qed tgerrixhom u tinkoraġġihom joħorġu minnha.   Sistema edukattiva, li minkejja t-tibdil li għamilna fiha baqgħet waħda li tpoġġi pressjoni kbira fuq it-tfal.  Irridu ngħidu li mhix is-sistema biss li titfa’ l-pressjoni, għax magħha hemm ukoll il-ġenituri li ukoll jitfgħu pressjoni fuq uliedhom forsi anke mingħajr ma jridu.  Għandna sistema edukattiva li għadha xorta waħda ibbażata ħafna fuq l-eżamijiet.  Sistema li donnha trid tara lit-tfal ikunu jafu jiktbu u jaqraw sa meta jkollhom sitt snin. 

Fuq kollox hi sistema li donnha trid tgħallmek l-affarijiet bl-amment u ftit li xejn tħarreġ biex tagħraf analizza sitwazzjonijiet diversi. 

Aktar ma pajjiżna jiżviluppa u aktar ma jidħol f’oqsma ġodda tax-xogħol, aktar se jkollu bżonn nies b’ħiliet ta’ kompetenza għolja. Jekk dawn ma jsibhomx minn nies tiegħu, pajjiżna bilfors ikollu jirrikorri għal ħaddiema barranin.  Nemmnu li pajjiżna irid jindirizza l-problemi u l-inġustizzji fil-qasam edukattiv. Fuq il-karta għandna is-servizzi kollha. Imma l-fatt li m’aħniex nirnexxu biżżejjed jitlob analiżi serja u urġenti ta’ dak li qed toffri is-sistema edukattiva. Nemmnu li għandu jkun dibattitu kontinwu li jwassal biex jonqsu drastikament dawk li qed jitilqu kmieni mis-sistema edukattiva u l-ammont ta’ dawk li jinsabu fl-aktar lilli baxxi ta’ kompetenzi.  

Sport